Eluf ta’ każijiet fir-Renju Unit li normalment jinstemgħu quddiem ġurija għandhom jiġu deċiżi mill-imħallfin biss, skont rakkomandazzjonijiet magħmula mill-eks imħallef anzjan Sir Brian Leveson.
L-eks imħallef f’Diċembru tas-sena l-oħra intalab mis-Segretarju tal-Ġustizzja biex jinvestiga l-kwistjoni u joħroġ b’sensiela ta’ proposti biex inaqqas l-għadd ta’ każijiet li akkumulkaw fil-qrati kriminali.
Hemm kważi 77,000 kawżi li qed jistennew li jiġu proċessati fil-Qorti fl-Ingilterra u Wales, li jfisser li xi akkużati u vittmi qed ikollhom jistennew snin sħaħ għall-ġustizzja.
Wara li rreveda l-istat tal-qrati kriminali, Sir Brian issuġġerixxa riformi “fundamentali” biex jitnaqqas ir-riskju ta’ kollass totali tas-sistema ġudizzjarja. Iżda xi avukati jargumentaw li l-ġuriji huma essenzjali għal ġustizzja ġusta, u t-tneħħija tagħhom hija żbaljata.
Biex jirranġa dik li jsejjaħ sistema mkissra, l-Imħallef Anzjan issuġġerixxa li s-smiegħ tal-provi jsir minn imħallfin biss għal ċerti każijiet bħal frodi u tixħim. Rakkomandazzjoni oħra tinvolvi li jkun hemm aktar riżoluzzjonijiet barra mill-qorti, bħal twissijiet.
Huwa jrid sezzjoni ġdida tal-Qorti tal-Kuruna b’żewġ maġistrati u mħallef biex jittrattaw reati inqas serji, u li jżidu n-numru ta’ tnaqqis fis-sentenzi għal ammissjonijiet ta’ ħtija fl-ewwel opportunità offruta. Dan kollu huwa sabiex jiqsaru l-proċessi bit-tama li titnaqqas l-akkumulazzjoni kbira ta’ każijiet pendenti.
Dwar jekk id-dritt għal proċess bil-ġurija fir-Renju Unit kienx dritt bażiku, Sir Brian qal li l-aqwa dritt bażiku tal-persuna huwa d-dritt li jkollha proċess ġust.
Huwa jemmen li dak li qed jiġi rakkomandat mhumiex aġġustamenti żgħar iżda bidliet fundamentali li se jfittxu li jagħmlu s-sistema adattata għas-seklu 21.
Il-proposti jfissru li aktar każijiet se jinstemgħu fil-qrati tal-maġistrati, bil-ġuriji jiġu riservati għall-aktar każijiet serji.
L-akkużati f’każijiet għal reati li jinkludu aggressjoni fuq ħaddiem tal-emerġenza u pussess ta’ ritratt indiċenti ta’ tifel lanqas ma jkunu jistgħu jagħżlu li jgħaddu ġuri.
L-Assoċjazzjoni tal-Maġistrati laqgħet b’sodisfazzjon ir-reviżjoni u qalet li din se tħaffef il-ġustizzja għal eluf ta’ nies.
Storikament, is-sistema legali Ingliża u ta’ Wales hija meqjusa b’mod wiesa bħala waħda mill-aqwa u l-aktar indipendenti fid-dinja, bl-ewwel proċess magħruf b’ġurija Ingliża jmur lura għas-snin 1300.
Madankollu, mhux il-pajjiżi kollha jużaw ġuriji b’mod komuni. Il-Ġermanja pereżempju, m’għandhiex ġuriji filwaqt li Franza tirriżervahom għall-każijiet l-aktar serji.