Saturday, December 21, 2024

Fir-Rumanija kull ħames minuti tmut persuna bil-Covid-19

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Fearne jispjega kif f’pajjiżi b’rata baxxa ta’ tilqim, issa li dieħla x-xitwa jidher li hemm problema

F’inqas minn 24 siegħa biss ir-Rumanija kellha l-istess ammont ta’ mwiet bil-Covid-19 li seħħu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea f’daqqa. Is-sitwazzjoni allarmanti li jinsab fiha dan il-pajjiż eskalat aktar f’dawn l-aħħar ġranet hekk kif it-talba għat-twiebet żdiedet b’50% u dan minħabba li kull ħames minuti, ċittadin Rumen qiegħed imut kawża tal-Covid-19.

Fil-fatt, ir-Rumanija bħalissa qiegħed tirreġistra l-akbar rata ta’ mwiet fid-dinja. Persuni li jaħdmu fis-settur tat-twiebet qalu li fix-xahar ta’ Ottubru kellhom l-akbar żieda ta’ bejgħ li qatt raw. Negozjanti li jieħdu ħsieb il-funerali wkoll esperjenzaw mewġa ta’ xogħol. Persuni li tkellmu mal-midja qalu li f’dawn l-aħħar ġimgħat raw quddiem wiċċhom ħafna traġedji fosthom każijiet fejn familji sħaħ, f’temp ta’ ftit ġranet, kellhom jidfnu sa erba’ mill-membri tagħhom.

F’Malta l-pandemija għadha taħt kontroll 

Rigward il-kriżi serja li għaddej minnha pajjiż fil-kontinent tagħna stess, L-ORIZZONT tkellem mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne. Min-naħa tiegħu Fearne sostna li huwa ċar li l-vaċċin joffri protezzjoni qawwija kontra konsegwenzi serji tal-Covid-19 u li jidher li t-tielet doża (il-booster) hija importanti wkoll għal ċertu sezzjonijiet tal-popolazzjoni.

Huwa spjega kif f’pajjiżi fejn ir-rata ta’ tilqim baqgħet baxxa, “jidher li kif dieħla x-xitwa issa hemm problema. Min-naħa l-oħra, f’pajjiżi bħal Malta fejn disa’ minn kull 10 huma mlaqqma u fejn intweriet responsabbiltà soċjali, il-pandemija għadha taħt kontroll”.

Il-Ministru Chris Fearne żied jgħid li huwa essenzjali li r-rata tat-tilqima, issa tal-booster, tibqa’ għolja u talab biex inkunu responsabbli ħalli jkollna Milied mingħar problemi.

Traġedji oħra kienu inqas devastanti mill-Coronavirus

Ir-rata ta’ mwiet mill-Coronavirus fil-Bulgaria hija tant għolja li ħafna qegħdin iqisuha bħala waħda mill-aktar avvenimenti traġiċi fl-Istorja ta’ dan il-pajjiż. Din is-sitwazzjoni hija mqabbla ma’ traġedji kbar oħra fosthom in-nirien li ħakmu lil “Collective Club” fl-2015. F’dan tal-aħħar kien hemm 64 vittmi li tilfu ħajjithom. Dan l-ammont huwa kważi disa’ darbiet inqas mill-imwiet ikkawżati mill-Covid-19 irreġistrati nhar it-Tlieta, 19 ta’ Ottubru.

Ir-revoluzzjoni kontra l-Komuniżmu li faqqgħet fl-1989 kienet swiet il-ħajja ta’ 1,166 Rumeni. Fil-bidu tal-ġimgħa f’temp ta’ 24 siegħa, mietu 561 persuni bil-Covid, bażikament nofs il-vittmi rreġistrati waqt ir-revoluzzjoni ta’ kontra l-komuniżmu li damet għaddejja ħamest ijiem.

Traġedja oħra kien it-terremot qawwi tal-1977 li qatel 1,570 persuna. Ir-rata ta’ mwiet f’24 siegħa mill-Covid-19 fir-Rumanija hija ekwivalenti għal terz tal-vittmi tal-agħar terremot li seħħ fl-Istorja riċenti tar-Rumanija.

Tħaffir b’inġenji kbar biex jitħaffef ix-xogħol…

F’rapporti fil-midja jingħad li n-numru tal-mejtin minħabba l-virus tant tela’ li t-tħaffir tal-oqbra għalihom qiegħed isir b’inġenji tat-tħaffir. L-awtoritajiet f’Slobozia ma jistgħux ilaħħqu man-numru kbir tal-vittmi u anke wasal biex daħħal l-inġenji kbar fiċ-ċimiterju ħalli jħaffru l-oqbra aktar malajr.

L-uffiċċju ċentrali ta’ Botosani kellu wkoll jikri dan it-tip ta’ makkinarju tat-tħaffir. L-awtoritajiet lokali qalu li n-numru tal-persuni li mietu f’dawn l-aħħar ġranet żied mhux biss ħafna x-xogħol fl-isptarijiet, iżda anke fiċ-ċimiterji. Il-persuni li s-soltu jħaffru l-oqbra ma setgħux aktar ilaħqu mad-domanda u għaldaqstant kellhom jirrikorru għal inġenji kbar fiċ-ċimiterji stess.

“Huwa essenzjali li r-rata tat-tilqima, issa tal-booster, tibqa’ għolja u li nkunu responsabbli ħalli jkollna Milied mingħar problemi”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne

Informazzjoni ppubblikata turi li l-belt ta’ Botosani ta’ kull xahar kien ikollha madwar 50 imwiet iżda dan l-ammont irdoppja u aktar. 

Il-mewġa ta’ difniet qiegħda tikkawża kriżi fiċ-ċimiterji u s-sindki tal-lokalitajiet għandhom bżonn isibu soluzzjoni. Minħabba n-numru kbir ta’ mwiet ikkawżati mill-Coronavirus, kien hemm kriżi fiċ-ċimiterji wkoll fl-Italja fir-Rebbiegħa li għaddiet. Din kienet serja daqs il-kriżi li kellhom fl-ewwel sena tal-pandemija.

F’Mejju li għadda f’Ruma kienet inqalgħet kwistjoni wara li n-negozji li jagħtu servizzi tal-funerali qalu li ma kienx hemm aktar postijiet disponibbli għall-mejtin. Mifrux fuq 140 ettari ta’ art fit-Tramuntana ta’ Ruma, Prima Porta huwa l-akbar ċimiterju fl-Italja iżda xorta waħda kellu lista’ ta’ stennija twila. 

Persuni fl-Italja li tilfu għażiż f’Jannar li għadda qalu li f’Mejju kienu għadhom qegħdin jistennew li jkun allokat spazju għad-difna, jew almenu li ssir kremazzjoni, tal-mejjet. Rapporti jikkonfermaw li kmamar mortwarji u ċimiterji fi bliet oħra kienu fl-istess sitwazzjonijiet.

Kważi lħaqna ħames miljun vittma tal-Covid-19

Il-pandemija globali tal-virus li oriġina miċ-Ċina ilu sentejn jagħmel ħerba ekonomika u soċjali, kif ukoll sewa l-ħajja ta’ miljuni ta’ nies minn madwar id-dinja kollha. Minn tagħrif ippubblikat il-bieraħ u aġġornat il-ħin kollu tal-“Worldometer”, wieħed mis-siti uffiċjali li jaġġornaw dwar il-Covid-19, jirriżulta li:

  • In-numru ta’ infezzjonijiet mill-Covid-19 madwar id-dinja tela’ għal 244,513,250;
  • L-imwiet kważi laħqu ħames miljun persuna (4,965,659);
  • L-ogħla rati ta’ mwiet globalment kienu fl-ewwel post l-Istati Uniti (756,362), segwit mill-Brażil (605,682) u wara nsibu li l-Indja tilfet 454,743 ċittadini;
  • Fost il-pajjiżi Ewropej, l-akbar numru ta’ persuni li mietu huma fl-Italja (131,826), imbagħad fi Franza (117,467) u fit-tielet post hemm Spanja (87,132);
  • Fil-każ tar-Rumanija t-total ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 huwa ta’ 1.56 miljun li minnhom, 44,679 persuna mietu;
  • Bejn Ottubru tas-sena l-oħra sas-7 ta’ Ottubru li għadda, il-każijiet f’dan il-pajjiż żdiedu b’sitt darbiet iżjed;
  • L-imwiet fl-istess perjodu żdiedu b’disa’ darbiet iżjed biex minn 5,000 vittma, il-Covid-19 f’Ottubru ta’ din is-sena qatel 45,000. 
  • Ir-rata ta’ tilqim fir-Rumanija għadha baxxa ħafna fejn mit-total tal-popolazzjoni hemm 36.4% ħadu l-ewwel doża u 30.5% biss huma mlaqqma kompletament.
Ekonomija

Sport