Thursday, December 26, 2024

FIRDA

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif jinħallu l-miżuri ta’ kontroll fuq kemm joħorġu u fejn imorru n-nies, xorta tibqa’ l-ħtieġa li jinżammu l-prekawzjonijiet kollha kontra t-tixrid tal-corona virus. L-aqwa għodda għat-trażżin tal-pandemija ssir il-firda soċjali fl-ispazji fejn in-nies tgħix u toqgħod.

Biss, l-osservanza ta’ dil-prekawzjoni tiddependi ħafna mill-għaqal tal-individwi fit-toroq, fil-ħwienet u fl-uffiċċji. Nistgħu nkunu żguri li dan se jintwera? Naħseb li minn ħafna iva – minn ħafna oħra le.

Il-mistoqsija tqum: Kif se titrażżan l-imprudenza ta’ min jiġi jitmejjel? Issib min jgħidlek li ċitazzjonijiet u multi mhumiex soluzzjoni għax joħolqu ħafna xogħol “żejjed” waqt li jkun diffiċli żżomm sorvelja sħiħa ma’ kullimkien.

Allura tħeġġeġ liċ-ċittadini jirrambaw lil min jabbuża, akkost li jqum il-ġlied bejniethom?

Jew tmexxi programmi ta’ edukazzjoni sanitarja, bir-riskju li xorta ssib min jibqa’ jinjora kollox?

NATURALI

Hi ħaġa ovvja, u qed tiġri kullimkien, li meta l-gvernijiet jaslu biex jiddeċiedu għandhomx jagħlqu l-istabbilimenti publiċi kollha, u wara, meta jiġu biex jerġgħu jiftħuhom, fi ħdan l-amministrazzjoni se jqum dibbattitu qawwi.

Bejn dawk li l-funzjoni tagħhom fl-amministrazzjoni hi li jħarsu s-saħħa publika. U dawk li jinsabu hemm biex jassiguraw li l-qagħda ekonomika tal-pajjiż tkun tajba kemm jista’ jkun.

Iż-żewġ naħat se jkolhom perspettivi differenti – ħaġa naturali u bżonnjuża. Anzi meta ma jqumx dan id-dibattitu intern, wieħed jista’ jibda jissuspetta l-ħażin. Forsi t-tmexxija saret waħda dittatorjali u tiddeċiedi fil-għama, skont kif ifettlilha?

Imbagħad hu naturali wkoll li xi ħadd, il-kap tal-gvern, jaqta’ lejn konklużjoni biex jiddeċiedi x’għandu jsir.

Kienu u għadhom patetiċi l-isforzi li qed isiru minn xi whud biex jibnu dan id-dibattitu normali u meħtieġ fi storja ta’ ġlied u diżgwid.

MIRI DIFFERENTI

Quddiem il-priorità li se taffaċċja l-Ewropa biex tvara rkupru ekonomiku wiesa’, hemm ħafna li waqt li jaqblu li hekk għandu jsir (u ma tantx jistgħu jagħmlu mod ieħor) jinsabu beżgħana. Se jiġri li miri ewlenin li l-Ewropa diġà qablet fuqhom se jitwarrbu?

Qed jitħassbu dawk li ilhom jisforzaw biex jimpenjaw lill-Unjoni Ewropea tkun protagonista fil-ġlieda kontra li l-klima tad-dinja tkompli tisħon. F’dan irnexxielhom. Il-priorità għas-snin li ġejjin kellha tkun li l-“ftehim aħdar” isir ċentrali fil-mod kif l-Unjoni Ewropea tmexxi kull ħidma tagħha.

Qed jinkwetaw ukoll dawk li fl-aħħar snin irnexxielhom jnaqqsu mill-impenn Ewropew għall-awsterità finanzjarja biex jerġa’ jidħol emfażi fuq li jinżammu miri soċjali.

Kemm l-ambjent u kemm “is-soċjali” jirrekjedu ħafna fondi. L-istess u bil-bosta, l-isforzi lejn irkupru ekonomiku. Tal-aħħar se jispiċċa jibla’ l-fondi mmarkati għat-tnejn l-oħra? 

Ekonomija

Sport