Fis-sena akkademika 2023-2024, l-istudenti rreġistrati fl-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja, tal-primarja u tas-sekondarja kienu jgħoddu mas-60,197 – żieda ta’ 1.2 fil-mija fuq is-sena akkademika taʼ qabel. Il-maġġoranza tal-istudenti rreġistrati fl-edukazzjoni ta’ qabel il-primarja, tal-primarja u tas-sekondarja kienu subien (51.8 fil-mija). Matul is-sena akkademika 2023-2024, 45.5 fil-mija tal-istudenti rreġistrati kellhom bejn il-5 u l-10 snin, filwaqt li 38.1 fil-mija tal-istudenti kellhom bejn il-11 u l-15-il sena.
L-istituzzjonijiet immexxija mill-Istat irrappreżentaw 59.6 fil-mija tar-reġistrazzjonijiet kollha, filwaqt li 26.7 fil-mija attendew skejjel tal-knisja. L-istudenti rreġistrati fi skejjel indipendenti ammontaw għal 13.7 fil-mija tar-reġistrazzjonijiet kollha f’dawn il-livelli. L-għadd sħiħ ta’ studenti rreġistrati fl-edukazzjoni obbligatorja fl-2023-2024 kien ta’ 50,645. Minn dawn, 54.4 fil-mija attendew l-iskola primarja, filwaqt li l-45.6 fil-mija l-oħra attendew l-iskola sekondarja. Meta mqabblin mas-sena akkademika ta’ qabel, l-istudenti żdiedu b’0.7 fil-mija u bi 2.3 fil-mija fl-iskejjel primarji u sekondarji, rispettivament.
Id-daqs medju tal-klassi għall-iskejjel kollha fil-livell primarju kien ta’ 18.6-il student għal kull klassi, u 19.2-il student għal kull klassi fil-livell sekondarju. Meta ġie analizzat id-daqs tal-klassi skont it-tip ta’ skola, fl-iskejjel tal-Istat deher l-iżgħar daqs tal-klassijiet kemm fil-livell primarju kif ukoll f’dak sekondarju, filwaqt li l-iskejjel tal-knisja kellhom l-akbar daqs medju tal-klassijiet fiż-żewġ livelli. L-akbar daqs medju tal-klassijiet fl-edukazzjoni primarja deher fis-Sitt Sena bʼmedja ta’ 19.1-il student għal kull klassi. Fl-edukazzjoni sekondarja, it-Tmien Sena rreġistrat l-akbar medja bi 19.8-il student għal kull klassi.
Fl-2023-2024, id-distrett li jilqa’ fih l-akbar għadd ta’ livelli ta’ skejjel kien id-Distrett tat-Tramuntana tal-Port (33.7 fil-mija), segwit mid-Distrett tan-Nofsinhar tal-Port (19.8 fil-mija). Sadattant, il-maġġoranza tal-istudenti attendew skejjel li jinsabu fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port (37.6 fil-mija), segwiti mid-Distrett tan-Nofsinhar tal-Port (16.6 fil-mija). B’7.3 fil-mija tal-istudenti, id-distrett ta’ Għawdex u Kemmuna kellu fih l-iżgħar persentaġġ ta’ studenti mill-għadd kollu.

