Friday, December 13, 2024

“F’isem Alla, waqqfu dan il-massakru”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Papa Franġisku b’appelli kontra l-gwerra fl-Ukrajna qabel iż-żjara tiegħu f’Malta

Eżattament ġimgħa wara l-elezzjoni ġenerali f’pajjiżna, għandna ż-żjara tant mistennija tal-Papa Franġisku. Din iż-żjara, li ilna nistennewha għal sentejn wara li d-data oġinali ta’ Mejju 2020 kellha tkun posposta minħabba l-pandemija tal-Covid-19, hija t-tielet waħda f’pajjiżna mill-Pontefiċe. Is-Santità tiegħu qiegħed iżur pajjiżna f’perjodu li għalih huwa pjuttost inkwetanti mil-lat internazzjonali fejn dawn l-aħħar ġimgħat għamel appell wara l-ieħor, kif ukoll attentati diplomatiċi, biex tieqaf il-gwerra fl-Ukrajna.

“F’isem Alla, waqqfu dan il-massakru,” iddikjara l-Papa Franġisku f’wieħed mill-aktar messaġġi qawwija li għamel quddiem folla ta’ eluf ta’ nies fil-Pjazza ta’ San Pietru tal-Vatikan. Fl-appell tiegħu dan il-Papa kkundanna bil-qawwi dak li qiegħed jiġri fl-Ukrajna fejn sostna li l-ibbumbardjar ta’ sptarijiet, kif ukoll miri oħra fuq stabbilimenti u djar ċivili huma frott ta’ “atti barbariċi u b’ebda sens starteġiku”. 

Fid-diversi appelli għall-paċi l-Papa Franġisku talab biex jieqaf il-massakru fl-Ukrajna; biex il-pajjiżi kollha jieħdu passi aktar ħarxa fil-konfront tal-President Putin u rritalja l-fatt li l-invażjoni tal-Ukrajna mhix biss operazzjoni militari, iżda gwerra.  Sostna li l-gwerra f’dan il-pajjiż hija tal-mistħija għalina lkoll bħala umanità. 

Barra minnhekk b’mod ġenerali, huwa talab li jieqfu l-gwerer kollha fid-dinja fejn wissa “qabel dawn jeqirdu l-umanità mill-Istorja”.

Qabel mal-bliet isiru ċimiterji…

“Il-belt ta’ Maripol saret belt ta’ martri fi gwerra tal-biżgħa li qiegħda tfarrak l-Ukrajna. Għal din il-barbarità tal-qtil ta’ tfal, ta’ persuni innoċenti u ċittadini bla difiża, m’hemmx raġunijiet stratetiġiċi. Hemm bżonn ta’ waqfien minn din l-agressjoni armata inaċċettabli qabel mal-bliet isiru ċimiterji. B’weġgħa kbira f’qalbi ningħaqad mal-vuċi tal-popolat u nitlob bil-ħniena li tintemm din il-gwerra.” Dan huwa l-messaġġ imqanqal tal-Papa Franġisku li għamel aktar kmieni dan ix-xahar u għadu jirrepeti sal-lum.

Huwa talab biex f’isem Alla, il-vuċijiet u l-biki ta’ dawk li qegħdin isofru, jinstemgħu u li jieqfu l-bombardamenti, kif ukoll l-attakki. “J’Alla jkun hemm ħidma deċiżiva li tmexxi għan-negozjati u li l-kuriduri umanitarji jkunu effettivi u siguri,” sostna l-Papa Franġisku. Is-Santità Tiegħu qal li f’isem Alla, huwa jitlob li jieqaf dan il-massakru.

Sadanittant il-gwerra fl-Ukrajna għadha għaddejja fejn, ta’ kuljum, mijiet jekk mhux eluf ta’ nies, qegħdin imutu. L-immigrazzjoni minħabba din il-gwerra splodiet fl-Ewropa kollha fejn f’Malta wkoll qegħdin naraw li nilqgħu kemm nistgħu refuġjati Ukreni, l-aktar nisa u tfal. 

Fl-aħħar żvilupp pożittiv imħabbar mill-Kremlin din il-ġimgħa, ir-Russja wegħdet li se tnaqqas l-offensiva tagħha wara taħdidiet li saru fit-Turkija. Ir-Russja qiegħda tinsisti għal newtralità mill-Ukrajna bil-għan li żgur tinżamm is-sigurtà u l-paċi billi ma jsirux bażijiet tan-NATO.

Ekonomija

Sport