Ilbieraħ filgħaxija, Malta permezz ta’ Martina Fenech u Rise Like a Phoenix ġiet imħabbra bħala r-rebbieħa tal-OGAE Fan Vision ġewwa Hamburg fil-Ġermanja. Din hija proprju t-tielet rebħa ta’ Malta f’dan il-festival tant prestiġġjuż, segwit minn mijiet ta’ spettaturi li għandhom għal qalbhom dak kollu li għandu x’jaqsam mal-Eurovision Song Contest. L-ewwel Maltin rebbieħa kienu Sebastian Calleja fl-2016 permezz ta’ Golden Boy u Grecia Bezzina fl-2018 permezz ta’ Everything.
It-triq għal Ġermanja ma kinitx faċli, għaliex Martina kienet magħżula mill-membri tal-OGAE f’kompetizzjoni ħarxa li fiha klassifikaw ukoll mal-ewwel tlieta: Justine Bezzina u Krista Šujak. Il-kanzunetta rebbieħa fis-selezzjoni kienet Hold Me Closer iżda minħabba li din kienet ġa magħżula minn parteċipant ieħor, kellha tingħażel kanzunetta oħra, u kien proprju għalhekk li Martina flimkien mat-tim tagħha għażlu Rise Like a Phoenix.
Matul il-kompetizzjoni, Martina qatgħet figura pożittiva ħafna, tant li rebħet il-vot tal-pubbliku preżenti u l-vot tal-ġurija preżenti. Total ta’ 271, 55 punt aktar mill-Finlandja li klassifikaw fit-tieni post, 57 punt aktar mill-Awstrija li klassifikaw fit-tielet post. Grazzi għal din ir-rebħa, Malta għandha ċ-ċans li tospita l-OGAE Fan Vision tas-sena d-dieħla, xi ħaġa li l-kumitat tal-OGAE Malta għandu jiddeċiedi fil-jiem li ġejjin.
Ġewwa l-Ġermanja, Martina kienet akkumpanjata mill-maniġer tagħha, Marc Calleja Bayliss, li serva wkoll bħala l-kap tad-delegazzjoni. F’kummenti eżatt wara s-suċċess tagħha, Martina rringrazzat lill-istess Marc Calleja Bayliss, lill-għalliem tal-vuċi tagħha Glen Vella, lill-familja u l-ħbieb tas-sapport kontinwu.