Waqt konferenza stampa Caritas Malta wasslet informazzjoni dwar it-tielet edizzjoni ta’ Caritas Run For Life, li daħlet fil-kalendarju ta’ Caritas bħala attività fiżika annwali. It-tielet edizzjoni ta’ Caritas Run For life, se ssir fit-2 ta’ Marzu 2025 – ġirja jew mixja miċ-Ċentru Terapewtiku ta’ San Blas Ħaż-Żebbuġ u lura.
Caritas Malta temmen li fis-soċjetà tagħna kulħadd – tfal, adolexxenti, żgħażagħ, adulti u anzjani – għandu l-bżonn ta’ opportunitajiet fejn wieħed jesperjenza s-sabiħ li tgħix u tgħix il-ħajja sana ’l bogħod mis-sustanzi u dak kollu li jfixkel lill-bniedem milli jgħix bid-dinjità sħiħa tiegħu. Id-Direttur ta’ Caritas Malta, is-Sur Anthony Gatt irringrazzja lil dawk il-ħafna li qed jagħtu sapport għat-tielet edizzjoni ta’ Caritas Run For Life, peress li hija attività li tinkludi ħafna loġistika u preparamenti.
Beda billi semma żewġ esperjenzi partikolari li laqtuh immens wara l-attività tas-sena l-oħra; persuna li resqet fuqu li kienet dipendenti fuq is-sustanzi u ppruvat tagħmel il-ġirja tal-5K imma sfortunatament ma rnexxiliex tagħmilha kollha għax is-saħħa ma ppermettiliex, u dakinhar ħadet deċiżjoni fejn tfittex l-għajnuna għand il-Caritas biex din is-sena tkun sana li tagħmel il-ġirja kollha. Persuna oħra li għamlet il-mixja l-ewwel darba, espremiet li tant ħadet gost li ħadet deċiżjoni li żżomm din l-attività fiżika bħala parti mill-pjan tagħha tal-ġurnata.
Hekk spjega d-direttur tal-Caritas filwaqt li wkoll tkellem dwar l-importanza tal-fundraising li b’hekk jiġu sostnuti s-servizzi li toffri Caritas Malta li huma kollha bla ħlas. Temm jirringrazzja lil Sportmalta li jagħtu sapport kontinwu matul is-sena lid-djar residenzjali ta’ Caritas Malta, lil St Patrick’s Athletic Club kollaboraturi fil-loġistika, The Convenience Shop bħala l-main sponsor għas-sapport li Caritas dejjem sabet meta ħabbtet il-bieb, Enemed, GO & Fun isotonic sport drink, Eurosport, GS Health and Safety, Malta Public Transport, Malta Police Force, LESA, lill-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ u St John Ambulance and Rescue.
Is-Sur Ray Spiteri President tas-St Patrick’s Athletic Club qal li l-klabb iħossu onorat li għal darb’oħra se jerġgħu jagħtu l-assitenza lil Caritas Malta. “Tajjeb ngħid li Caritas Run For Life llum tifforma parti minn Athletics Malta u din l-attività tiġbed mijiet ta’ persuni għal diversi raġunijiet fosthom li hemm tiġrijiet diversi waħda ta’ 10km, oħra ta’ 5km għall-adulti kif ukoll ġirjiet għat-tfal ta’ kilometru u 2.5km. Għal dawk il-persuni li forsi għadhom mhux fil-livell li jiġru Caritas taħseb għalihom u ssir mixja ta’ 4km. Ir-rotta hija waħda unika, f’ambjent rurali u mingħajr traffiku; bit-tluq minn ħdejn il-Komunità Terapewtika ta’ San Blas u lura. Din hija zona li l-ebda klabb ma jagħmel ġirja fiha u b’hekk għall-ambjent li toffri hija ta’ attrazzjoni għal dawk li japplikaw”
Qal ukoll; “Hemm imbagħad min jagħmel din il-ġirja bħala sapport lejn Caritas Malta għal ħidma siewja fis-soċjetà Maltija. Hemm oħrjan li għalihom tkun il-bidu ta’ attività fiżika u permezz ta’ din l-esperjenza jkomplu jitħeġġu ta’ kuljum biex tkun parti mill-ġurnata tagħhom li jimxu jew jiġru anki ghas-saħħa mentali tagħhom. Kategoriji fl-etajiet differenti bejn it-30 u 70 sena jistgħu jirbħu trofew għall-ewwel, it-tieni u t-tielet post. Peress li l-ġirja tat-tfal attirat lil ħafna, dis-sena biex inkompli nsaħħu s-sigurtà, dawn se jkunu maqsuma u jitilqu fi gruppi żgħar.” Dan spjegah is-Sur Spiteri filwaqt li ħeġġeġ klabbs u OCR’s biex iħeġġu lill-atleti tagħhom jattendu anki biċ-ċans ta’ trofew għal dak il-klabb li l-aktar iġib membri”
Is-Sur Keith Bartolo Viċi Chairman ta’ Sportmalta, faħħar ix-xogħol li tagħmel Caritas Malta u esprima li huwa obbligu li Sportmalta tkun ta’ spalla wara din l-attività permezz ta’ fondi pubbliċi fejn qed isir tant ġid ma’ persuni li jersqu għall-għajnuna ta’ Caritas. Is-Sur Andrew Attard l-Assistent Eżekuttiv tad-Direttur ta’ The Convenience Shop spjega li mill-bidu nett The Convenience Shop emmnu f’din l-attività u l-ħafna sabiħ li ġġib magħha.
Is-Sur Arrard irrimarka li; “The Convenience Shop nemmnu ħafna li nkunu wara Caritas bħala parti mill-Corporate Social Responsability tagħna. Dan huwa l-aspett uman li nkunu vicin ta’ nies li huma tant fil-bżonn – id-droga hija tant aċċessiva iktar minn qatt qabel, allura rridu ninvestu aktar fin-nies permezz ta’ attivitajiet fiżiċi.”
Wieħed jista’ japplika permezz tal-link : https://www.caritasmalta.org/caritas-run-for-life-2025/