Thursday, June 13, 2024

“Fit-8 ta’ Ġunju l-poplu għandu jagħti vot ieħor ta’ fiduċja biex ikomplu jseħħu l-bidliet”- Il-PM

Aqra wkoll

“Dak li wettaqna sa issa għadu biss il-bidu. Jekk tafdawni mill-ġdid, nagħtikom kelmti li nwettqu ħafna u ħafna aktar, flimkien. Għaliex dan kollu mhux waħdi għamiltu. Imma wettaqnieh ilkoll flimkien. Għax ma’ kull sfida, grazzi għall-appoġġ tagħkom, jiena fija tikber dejjem iżjed id-determinazzjoni. Magħqudin f’dan il-moviment. Jekk temmnu li nistgħu ngħinukom tiksbu aktar, għinuni u kunu miegħi fit-8 ta’ Ġunju.”

Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta kien qed jindirizza mass rally f’Ħal Qormi bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’. Quddiem folla sabiħa ta’ Qriema u oħrajn li attendew għal din l-attività politika, il-Prim Ministru spjega kif f’ġimgħa waħda biss pajjiżna kellu aktar kisbiet pożittivi.

Mill-investiment ta’ fabbrika li se tibda timmanifattura t-turbini tar-riħ f’pajjiżna bil-ħolqien ta’ 44 u green job għal qbil ta’ ftehim mat-tmexxija tal-Unjin tal-Għalliema li se jagħti żidiet b’saħħithom u kundizzjonijiet aħjar lill-edukaturi.

Semma wkoll l-għotja li bdiet tingħata fl-aħħar jiem, dik ta’ €1,500 fuq tliet snin lill-ġenituri ta’ tfal li baqgħu jistudjaw. Spjega kif din flimkien mal-ftehim mal-għalliema huma żewġ wegħdiet imwettqa, żewġ kisbiet oħra mill-elf proposta fil-manifest ‘Malta Flimkien’.

Fl-istess ġimgħa ta’ xogħol b’saħħitha, rapport mill-esperti ta’ Moody’s iċċertifikaw is-saħħa tal-ekonomija tagħna u ċifri uffiċjali komplew jikkonfermaw ir-ruħ soċjali ta’ Gvern Laburista li mindu nieda l-inizjattiva Stabbiltà fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali, ir-rata ta’ inflazzjoni naqset bin-nofs u niżlet għal-livell ta’ Ottubru li għadda.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jibqa’ joħroġ b’inizjattivi u miżuri favur investiment fin-nies. Huwa kompla billi għamel sensiela ta’ domandi fejn żamm kelmtu man-nies.

“Meta 4 snin u nofs ilu, fl-eqqel ta’ tensjoni politika, għedtilkom afdawni u ma nitilfux il-ħafna tajjeb li ksibna, kelmti żammejtha magħkom? Ġibnieha lura l-kalma? Meta quddiem pandemija li ma kellha l-ebda manwal kif nilqgħu għaliha, għedtilkom afdawni u nsalvaw il-ħajjiet u l-għajxien, kelmti żammejtha magħkom u tajtkom lura n-normalità li wegħedtkom?”

“Meta madwarna faqqgħu gwerer li ġabu magħhom piżijiet kbar, meta għedtilkom afdawni u l-piż iġorru l-gvern u mhux intom, kelmti żammejtha magħkom u kont it-tarka tagħkom? Meta tort ta’ nuqqasijiet ta’ snin twal dħalna fil-lista l-griża, kont għedtilkom dakinhar afdawni u nwettqu r-riformi kollha li hemm bżonn, u kelmti żammejtha magħkom u pajjiżna ħareġ bl-unuri fi żmien rekord?”

“Meta fi żmien ta’ sfidi fejn madwarna hawn politika ta’ awsterità għeditlkom afdawni u nagħtikom 1,000 kisba ġdida u kelmtni żammejtha wkoll dakinhar u aħna l-aqwa ekonomija fl-Ewropa?”.

Qal li jekk it-tweġiba għal dawn id-domandi hi li iva, jiġiferi li l-moviment Laburista żamm kelmtu man-nies, allura fit-8 ta’ Ġunju l-poplu għandu jagħti vot ta’ fiduċja ieħor biex ikomplu jseħħu l-bidliet.

Innota kif l-Oppożizzjoni maħnuqa minn establishment trid tieħu s-saħħa minn idejn il-poplu. Trid tifred u taqsam nofs Malta u li l-vot tat-8 ta’ Ġunju jarawh bħala l-bidu tat-tmiem ta’ bidliet soċjali kbar.

Il-Prim Ministru nnota kif quddiem sfidi u attakki minn Oppożizzjoni, il-moviment qatt ma għotor u qal lin-nies biex l-isfidi jħalluhom f’idejh u l-poplu jgawdi l-familja tiegħu.

“Kalmi u sodi”, aċċenna l-Prim Ministru hu u jinnota f’liema oddju personali kapaċi jinżel l-establishment. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li il-partiti jibqgħu xejn b’xejn u għalhekk l-importanza tal-vot tat-8 ta’ Ġunju.

Innota kif irridu niddeċiedu wkoll dwar x’Ewropa rridu. Bejn manifest tal-Partit Laburista msejjes fuq għaxar prinċipji favur Malta jew Partit Nazzjonalista li spiċċa nqabad f’paniku mingħajr manifest u kiteb essay li fiha lanqas isemmi prinċipji ewlenin għal Malta, dawk dwar il-paċi u n-newtralità.

Anki dwar l-immigrazzjoni u t-tassazzzjoni ma ssemma xejn mill-Partit Nazzjonalista bi skop għax lest ibaxxi rasu quddiem Ewropa u ħsiebu biss fl-aspirazzjonijiet personali.

Il-Prim Ministru tenna li jekk ħaddieħor ifittex it-triq tal-provokazzjoni “aħna niġu bi pjan quddiem il-poplu, kemm għall-Parlament Ewropew u anki għal kull lokalità b’manifest speċifiku.”

Żied jgħid li huwa għalhekk li l-poplu għandu jislef il-fiduċja lill-Partit Laburista quddiem kisbiet bis-saħħa tal-poplu. Kisbiet li biex inkompluhom irridu vot b’saħħtu ieħor li jagħti s-Saħħa lill-Maltin.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport