Sunday, December 22, 2024

Fit-tielet kwart tas-sena nħarġu 384 permess għall-bini ta’ 1,827 residenza ġdida

Tnaqqis ta’ 13.9 fil-mija fil-permessi maħruġa meta kumparat mal-2022

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul it-tielet kwart tal-2023, inħarġu 384 permess tal-bini għal total ta’ 1,827 residenza ġdida. Meta mqabblin mal-istess żmien tas-sena taʼ qabel, kien hemm tnaqqis taʼ 13.9 fil-mija fʼdawn il-permessi kif ukoll tnaqqis taʼ 12.7 fil-mija fin-numru taʼ residenzi ġodda approvati. Il-permessi mgħoddija kellhom medja taʼ 4.8 residenzi ġodda.

Skont dawn iċ-ċifri pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-biċċa l-kbira tar-residenzi approvati fit-tielet kwart tal-2023 kienu appartamenti f’total ta’ 1,337, penthouses għal total ta’ 276, meżonetti  għal total ta’ 141, it-terraced houses li kienu jammontaw għal 61 u unitajiet residenzjali oħra bħalma huma bangalows, farmhouses u vilel li kienu jammontaw għal 12. Fil-kuntest tal-ammont totali, l-appartamenti – li kienu l-aktar residenzi approvati, kienu jammontaw għal 73.2 fil-mija tar-residenzi ġodda kollha approvati.

L-akbar numru taʼ residenzi ġodda ġew approvati kienu fʼSan Pawl il-Baħar fejn b’kollox ġew approvati 222 residenza, 110 residenzi fil-Mosta, 107 residenzi f’Birkirkara, 85 f’Ħal Qormi u 82 f’Tas-Sliema. L-inqas lokalitajiet li fihom ġew approvati residenzi ġodda kienu Ħal Luqa, il-Gudja u Ħal Għaxaq li kellhom 16-il residenza, 15-il residenza u 15-il residenza rispettivament.

Meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2022, in-numru taʼ residenzi ġodda approvati fʼMalta naqas bʼ6.5 fil-mija, mentri dak fʼGħawdex u fʼKemmuna naqas bʼ35.5 fil-mija. 

Ekonomija

Sport