Saturday, November 16, 2024

Fit-tieni kwart ta’ din is-sena żaru pajjiżna aktar turisti mill-istess perjodu fl-2019

Aqra wkoll

Stħarriġ li ħareġ mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u Restoranti, l-MHRA wera li fit-tieni kwart ta’ din is-sena żaru pajjiżna aktar turisti meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019. L-MHRA qabblet ir-riżultat miksub mas-sena 2019 minħabba li dik kienet l-aħħar sena qabel ma faqqgħet il-pandemija.

L-MHRA qalet li informazzjoni bbażata minn data tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta turi li sat-tieni kwart ta’ din is-sena kienu żaru pajjiżna 840,000 turist li hu livell rekord għal dan iż-żmien tas-sena. Dan ifisser li fuq l-istess perjodu tas-sena 2019, din is-sena kien hemm żieda ta’ kważi 59,000 turist.

Dwar l-iljieli li t-turisti għamlu f’pajjiżna, l-istħarriġ juri li fit-tieni kwart ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ 90,000 lejl meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019.

Jirriżulta li aktar turisti qegħdin jagħżlu li joqgħodu f’lukandi milli f’akkomodazzjoni privata. Fil-fatt l-akkomodazzjoni privata din is-sena mistennija tara tnaqqis meta mqabbel mal-2019.

Dwar in-nefqa, l-istħarriġ juri li t-turisti se jkunu nefqu €663 million li jfisser żieda ta’ 9% meta mqabbel mal-istess perjodi tal-2019.

Waqt il-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport, Michael Zarb, Direttur ta’ Deloitte, Economic u Policy Advisory, qal li t-tieni kwart ta’ din is-sena bla dubju hu wieħed pożittiv immens għas-settur tal-lukandi f’pajjiżna. Il-lukandi kollha f’kull lokalità qegħdin jaraw żieda.

“Sakemm ix-xogħol ma jonqox xi ftit fil-bqija tas-sena qegħdin nistennew li se nkunu lħaqna r-rekord tal-2019 u anke saħansitra nistgħu naqbżuh,” qal Michael Zarb.

Min-naħa tiegħu l-President tal-MHRA Tony Zahra qal dawn huma riżultati mill-aqwa pożittivi, iżda wieħed xorta jrid jibqa’ jaħdem u xejn m’għandu jittieħed ‘for granted’ hekk kif fakkar li s-settur turistiku hu wieħed importanti ħafna għall-ekonomija ta’ pajjiżna.

Zahra qal li l-isfidi li l-membri tal-MHRA qegħdin jiffaċjaw mhux biss huma dwar iż-żieda fil-prezzijiet, iżda kif wieħed issa se jżomm dawn ir-riżultati miksubin s’issa.

Il-President tal-MHRA qal li kulħadd għandu jaħdem flimkien fejn il-Gvern jaħdem mas-settur privat biex inkomplu nilħqu aktar miri u rekords ġodda.

“Konxji mill-fatt tal-kobor ta’ pajjiżna, issa rrid naħdmu li ntejbu l-prodott u mhux biss li nikbru ferm aktar. Għandna bżonn li jkollna prodott turistiku aħjar. Infrastruttura aħjar fosthom toroq u enerġija,” temm jgħid il-President tal-MHRA Tony Zahra.

Ekonomija

Sport