Tuesday, December 24, 2024

Fit-tieni kwart tal-2024, il-Gvern irreġistra surplus ta’ €55.2 miljun

Aqra wkoll

Bejn April u Ġunju 2024, id-dħul sħiħ tal-Gvern kien ta’ €1,984.6 miljun, li huwa żieda ta’ €233.7 miljun meta mqabbel mal-istess żmien fl-2023.

Dan intqall fi statistika li ġiet ippubblikata mill-NSO dwar il-finanzi tal-Gvern.

L-NSO tgħid li ż-żieda fi dħul kien ġej l-aktar minn żidiet fit-Taxxi kurrenti fuq id-dħul u l-ġid – €82.4 miljun, fit-Taxxi fuq il-produzzjoni u l-importazzjoni – €65.0 miljun, fit-Trasferimenti taʼ kapital riċevibbli – €29.6 miljun u fl-Output tas-suq – €29.4 miljun). Min-naħa l-oħra, kien hemm tnaqqis fit-Trasferimenti kurrenti riċevibbli – €2.5 miljuni.

Fl-istess żmien, in-nefqa sħiħa ammontat għall-€1,929.4 miljun, żieda taʼ €160.8 miljun fuq l-istess perjodu fl-2023. L-akbar żidiet kienu rreġistrati fit-Trasferimenti kurrenti pagabbli – €140.5 miljun, fil-Benefiċċji soċjali u trasferimenti soċjali mhux monetarji – €42.5 miljun, fil-Kumpens lill-impjegati – €31.7 miljun u fil-Konsum intermedju – €17.4-il miljun. Minn-naħa l-oħra, kienu rreġistrati tnaqqisiet fis-Sussidju pagabbli – €75.7 miljun u fil-Formazzjoni taʼ kapital gross – €14.4-il miljun.

Saru aġġustamenti lid-data tal-Fond Konsolidat tal-Gvern sabiex din tinqaleb għal sistema taʼ kontabilità bbażata fuq id-dovuti (accruals) u bʼhekk tkun taqbel mal-ħtiġijiet tal-ESA 2010. Fit-tieni kwart tal-2024, dawn l-aġġustamenti ġabu tnaqqis taʼ €186.6 miljun fid-defiċit tal-Fond Konsolidat, li kien taʼ €131.4 miljun.

Dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji tal-assi, l-NSO tgħid fit-tieni kwart tal-2024 kienu rreġistrati żidiet fil-Munita u d-depożiti – €393.2 miljun, f’Kontijiet oħra riċevibbli – €113.6-il miljun, fit-Titoli taʼ dejn bʼterminu qasir – €54.9 miljunu fl-Ishma taʼ fondi taʼ investimenti – €41.0 miljun.

Meta jitqiesu t-tranżazzjonijiet finanzjarji f’obbligazzjonijiet, l-akbar żieda kienet irreġistrata fʼKontijiet oħra pagabbli – €440.3 miljun u fit-Titoli taʼ dejn bʼterminu qasir – €93.2 miljun. Bʼkuntrast maʼ dan, kien irreġistrat tnaqqis fit-Titoli taʼ dejn bʼterminu twil – €16.2-il miljun.

L-istatistika ppubblikata mill-NSO titratta wkoll id-dejn tal-Gvern fejn intqal li dan kien ta’
€10,084.0 miljun, jew 46.7 fil-mija tal-Prodott Domestiku Gross. Din hija żieda taʼ €912.0-il miljun fuq l-istess trimestru tal-2023, li kienet ġejja l-aktar mid-Dejn tal-Gvern Ċentrali li kien jammonta għal €10,082.2 miljun. Il-Munita u d-Depożiti laħqu l-€433.0 miljun, li huma tnaqqis taʼ €22.0 miljun meta mqabblin maʼ Ġunju 2023. Dan jinkludi l-muniti tal-ewro maħruġa fʼisem it-Teżor, li huma meqjusa bħala piż għall-Gvern Ċentrali, u l-iStokk 62+ ta’ Tifdil tal-Gvern li kienu jġibu t-€328.7 miljun. It-Titoli taʼ dejn bʼterminu twil żdiedu bʼ€1,052.7 miljun, filwaqt li t-Titoli taʼ dejn bʼterminu qasir naqsu bʼ€215.8-il miljun, rispettivament. Barra minn hekk, is-self bʼterminu twil żdied b’€97.5 miljun. Id-dejn tal-Gvern lokali kien ta’ €1.8 miljun.

Fl-aħħar taʼ Ġunju 2024, id-dejn garantit mill-Gvern Ġenerali ammonta għal €1,046.1 miljun, li huwa daqs 4.8 fil-mija tal-PDG1. B’hekk, kien hemm tnaqqis taʼ €118.1-il miljun meta mqabbel mat-tieni kwart tal-2023.

Ekonomija

Sport