Saturday, November 16, 2024

Fit-tieni kwart tal-2024, l-istokk tal-vetturi bil-mutur bil-liċenzja żdied bʼ765 fuq it-tliet xhur taʼ qabel

Aqra wkoll

Fi tmiem Ġunju 2024, l-istokk tal-vetturi lliċenzjati laħħaq l-440,163. Minn dan l-għadd, 74.4% kienu karrozzi tal-passiġġieri, 14.3% kienu vetturi kummerċjali jew agrikoli u 10.7% kienu muturi/roti megħjunin bʼenerġija elettrika, scooters li jitħaddmu bl-elettriku, muturi b’erba’ roti, u ATVs. Ix-xarabanks u l-minibuses ammontaw għal anqas minn wieħed fil-mija. Fit-tliet xhur mitqiesa minn din l-istqarrija, l-istokk tal-vetturi lliċenzjati żdied bʼrata medja netta taʼ tmien vetturi kuljum.

Dan intqal fi stqarrija li ħareġ l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatisika (NSO).

Dwar il-vetturi li ngħataw liċenzja ġdida, l-NSO qal li f’dan il-perjodu 5,726 vettura ngħataw liċenzja ġdida. Il-maġġoranza tagħhom, 3,836 jew 67.0% a tat-total, kienu karrozzi tal-passiġġieri. Warajhom ġew il-muturi/roti megħjunin bʼenerġija elettrika bʼ1,076 jew 18.8%. Il-vetturi ‘ġodda’ li ngħataw liċenzja ġdida laħqu t-3,383 jew 59.1% tal-għadd sħiħ, mentri l-vetturi ‘użati’ li ngħataw liċenzja ġdida kienu jgħoddu 2,343 jew 40.9% . Medja taʼ 63 vettura ngħataw liċenzja ġdida kuljum fit-tieni kwart tal-2024.

Ir-rapport jitkellem ukoll dwar vetturi li kellhom restrizzjonijiet fil-perjodu tat-tieni kwart ta’ din is-sena. “Kien hemm 9,111-il vettura li tneħħew mit-triq minħabba xi restrizzjoni. Fosthom, 29.2% kellhom restrizzjonijiet oħra, 28.7% kienu ggaraxxjati, filwaqt li 23.0% kienu mibjugħin mill-ġdid. L-għadd taʼ vetturi li kellhom ir-restrizzjonijiet mtemmin fl-istess żmien kien ilaħħaq l-4,462. Il-biċċa l-kbira tagħhom kienu ggaraxxjati – 52.5% jew mibjugħin mill-ġdid – 46.8%,” jgħid ir-rapport.

Dwar l-għamla taʼ magna, ir-rapport jgħid li fl-aħħar taʼ Ġunju 2024, 257,483 jew 58.5% tal-vetturi kollha kienu jitħaddmu bʼmagni petrol. Il-vetturi li jitħaddmu bʼmagni diżil kienu jammontaw għal 156,347 jew 35.5% tat-total.

Vetturi oħra li jitħaddmu bʼmagni tal-elettriku u plug-in hybrid kienu jġibu 3.4 fil-mija tal-istokk kollu u kienu jgħoddu 14,924 vettura. Meta mqabblin mat-tliet xhur taʼ qabel, żidiet taʼ 22.2%, 8.0% u 5.8% kienu rreġistrati fl-għadd taʼ vetturi plug-in hybrid li jitħaddmu bid-diżil u l-elettriku, mild hybrid li jitħaddmu bid-diżil u l-elettriku, u mild hybrid li jitħaddmu bil-petrol u l-elettriku rispettivament. Il-vetturi li jitħaddmu bl-elettriku naqsu bʼ14.2% meta mqabblin mat-tliet xhur taʼ qabel.

Ekonomija

Sport