L-Oppożizzjoni Torka ngħaqdet fid-difiża tas-Sindku ta’ Istanbul li jinsab miżmum il-ħabs, Ekrem İmamoğlu, f’dik li hija mossa biex issostni l-akbar dimostrazzjonijiet kontra l-gvern f’dawn l-aħħar snin.
Mijiet ta’ eluf ta’ nies attendew għall-protesta msejħa mill-kap tal-oppożizzjoni tal-Partit Popolari Repubblikan (CHP) f’post ’il bogħod miċ-ċentru tal-belt ta’ Istanbul.
Meta kien qed jindirizza lill-folla, il-Kap tal-partit, Özgur Özel, qal: “huma żammew mijiet ta’ tfal, eluf ta’ żgħażagħ… arrestaw mijiet minnhom. Kellhom għan wieħed biss f’moħħhom: li jintimidawhom, iwerwruhom u biex jiżguraw li ma jerġgħux joħorġu minn fejn qegħdin.”
Huwa żied jgħid li “fit-Turkija għandna viżjoni li kandidati presidenzjali ma jintbagħtux il-ħabs.” Dan filwaqt li sejjaħ għall-ħelsien kemm ta’ İmamoğlu kif ukoll tal-politiku Kurd Selahattin Demirtaş, eks kandidat presidenzjali li kien ikkandida ruħu mill-ħabs. Demirtaş kien intbagħat il-ħabs disa’ snin ilu fuq akkużi ta’ terroriżmu.