Fitch Ratings ikkonfermat mill-ġdid ir-rating ta’ pajjiżna bħala A+ bi prospetti stabbli. Ir-Rapport tal-aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu internazzjonali huwa konferma oħra tal-għaqal fit-tmexxija ekonomika.
Fir-rapport tagħhom l-esperti internazzjonali nnutaw il-prospetti ferm tajba ta’ tkabbir ekonomiku qawwi ta’ Malta tant li jgħidu li dawn “still significantly outperforming our projections for the eurozone”.
Huma jżidu kif l-akbar fattur wara t-tkabbir ekonomiku kien livell qawwi ta’ konsum u esportazzjoni. Isostnu li l-konsum privat huwa dovut għal żewġ fatturi – il-miżuri tal-Gvern li żammew il-prezz tal-enerġija stabbli kif ukoll it-tijib fil-pagi. Il-qgħad ukoll laħaq ukoll minimu storiku.
Fost is-setturi li l-aktar marru tajjeb ir-rapport issemmi t-turiżmu li qabeż il-livelli ta’ qabel il-pandemija, kif ukoll il-manifattura. Fir-rigward ta’ din l-industrija l-esperti tal-Fitch Ratings jgħidu li dan seħħ għax minħabba l-istabbilita’ fil-prezz tal-enerġija li wassal għall-kompetittivita aqwa għall-azjendi li joperaw f’pajjiżna. Dawn id-dikjarazzjonijiet huma xhieda tal-għaqal tal-gvern fid-deċiżjonijiet strateġiċi tiegħu, liema deċiżjonijiet ma sabux l-appoġġ tal-oppożizzjoni li qalet li t-tariffi għandhom jogħlew skont il-prezz internazzjonali.
Minkejja li dan is-sostenn huwa investiment qawwi min-naħa tal-Gvern, l-esperti tal-Fitch Ratings jirrikonoxxu li d-dejn pubbliku se jibqa’ relattivament stabbli u moderat. Dan minkejja li huma jbassru li l-Gvern se jkun qiegħed iżid sewwa l-ispiża soċjali ħalli jkun ta’ għajnuna għall-familji. Il-piż tad-dejn pubbliku huwa mbassar li se jibqa sewwa taħt is-60% tal-ġid nazzjonali.
Fir-rapport tagħhom, Fitch Ratings jgħidu wkoll li pajjiżna għandu “strong institutional capacity, effective rule of law and a low level of corruption.”
Fid-dawl ta’ dan kollu l-esperti ta’ din l-agenzija kkonfermaw ir-rating tagħhom għal pajjiżna, A+, biex bagħtu sinjal ċar tal-kunfidenza li għandhom fl-ekonomija ta’ pajjiżna u t-tmexxija tal-Gvern Malti.