Sunday, September 7, 2025

Fitch terġa’ tikkonferma Rating A+ u prospetti stabbli għal pajjjiżna

Aqra wkoll

L-aġenzija internazzjonali ta’ klassifikazzjoni Fitch Ratings ikkonfermat li Malta żammet ir-rating ta’ kreditu tagħha ta’ A+ bi prospetti stabbli. Din id-deċiżjoni tirrifletti fiduċja kbira fl-ekonomija Maltija u li  pajjiżna għadu fost l-aktar b’saħħithom fi ħdan l-Unjoni Ewropea (UE).

“Il-prestazzjoni ekonomika ta’ Malta hija robusta u l-pajjiż qiegħed jibqa’ kompetittiv fl-UE, bi tkabbir sostenut u livelli baxxi ta’ qgħad,” speċifika Fitch fir-rapport tiegħu.

Tkabbir ekonomiku robustu u prospetti pożittivi

Fitch iddeskriva l-ekonomija lokali bħala waħda mill-aktar dinamiċi fost il-pajjiżi valutati mill-Aġenzija. Mill-2014 l-ekonomija Maltija kibret b’86%, meta mqabbla ma’ 14% fiż-żona Ewro. Il-Prodott Gross Domestiku (GDP) per capita, imkejjel f’termini ta’ qawwa tax-xiri, fl-2024 kien ta’ 109% tal-medja tal-UE.

“It-tkabbir potenzjali u d-diversifikazzjoni tas-setturi tas-servizzi, it-teknoloġija, il-finanzi u t-turiżmu jagħmlu lil Malta pajjiż reżiljenti għall-isfidi esterni,” qal l-esperti ta’ Fitch.

Skont l-aġenzija, il-GDP reali ta’ Malta mistenni jikber b’4.3% fl-2025 u b’4.1% fl-2026, wara tkabbir ta’ 6% fl-2024.

Is-suq tax-xogħol u s-sitwazzjoni fiskali

… Żieda qawwija fl-impjiegi

Malta kisbet wieħed mill-ogħla livelli ta’ impjiegi fl-UE, bi kważi 320,000 impjegat fl-ewwel nofs tas-sena 2025, inkluż madwar 100,000 minn barra u 30,000 minn parteċipazzjoni akbar tal-Maltin. Fl-2024, il-qgħad niżel għal 3.1%, ħafna inqas mill-medja ta’ pajjiżi oħra fil-UE b’rata ta’ 6.3%.

Fir-rigward Fitch elaborat li, “is-setturi tat-teknoloġija, it-turiżmu u l-finanzi qegħdin iwasslu l-momentum ewlieni għall-ekonomija u l-impjiegi”.

Konsolidazzjoni fiskali

Id-defiċit tal-baġit naqas għal 3.7% tal-GDP fl-2024 u Fitch tistenna li jkompli jonqos għal madwar 3% fl-2025 u 2.5% sal-2027. Il-gvern jista’ jnaqqas id-defiċit mingħajr miżuri kbar ta’ konsolidazzjoni fiskali, grazzi għat-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fl-impjiegi. Ir-rapport bassar li d-dejn tal-gvern ġenerali se jibqa’ madwar 47% tal-GDP bejn l-2025 u l-2027, ħafna inqas mill-medja tal-“A” ta’ 57% u mill-limitu tal-UE ta’ 60%.

“Il-politika fiskali stabbli ta’ Malta u l-kapaċità tagħha li tinvesti fil-futur jagħmlu lill-pajjiż aktar reżiljenti għall-isfidi globali,” osserva Fitch.

Governanza u reputazzjoni internazzjonali

Minkejja xi sfidi marbuta ma’ ekonomija żgħira u influwenzi esterni, ir-rapport sab li Malta tibqa’ b’saħħitha fil-governanza u fl-istabbiltà politika. L-indikaturi ta’ governanza tal-Bank Dinji (WBGI) naqsu minn 86 fil-perċentili fl-2013 għal 71 fl-2024.

Dan ir-riżultat qiegħed jgħin biex tissaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta u jagħmel lill-pajjiżna aktar attraenti għal investiment u tkabbir sostenibbli.

Serjetà u viżjoni

L-evalwazzjoni pożittiva ta’ Fitch turi li pajjiżna, taħt il-Gvern Laburista, qiegħda timxi b’serjetà u b’viżjoni sostenibbli. Ir-rating A+ bi prospetti stabbli jirrifletti politika ekonomika soda, tmexxija responsabbli u fiduċja kontinwa mill-komunità internazzjonali.

Għaċ-ċittadini u għall-investituri dan ifisser li pajjiżna għandu l-pedamenti biex joħloq opportunitajiet ġodda, issaħħaħ l-impjiegi u jkompli b’ekonomija ta’ tkabbir sostenibbli għal prosperità fit-tul u kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport