Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn mindu konna tfal, id-dar dejjem trabbejna b’imħabba lejn il-futbol, dejjem ma missieri Ta’ Qali ma konniex nitilfu logħba. Konna nixgħelu t-televixin biex naraw programmi sportivi u nixtru l-gazzetta biex naraw l-aħħar ftit paġni li dejjem kienu jkunu fuq il-futbol. Barra minn hekk trabbejt il-Belt u l-Belt anke tmur s’għand tal-grocer ħlief fuq futbol ma tismax.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ tal-goalkeepers tat-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Valletta FC.
Bħala kowċ kont ilni għal diversi snin naħdem ma’ timijiet tal-kbar, kemm tal-Malta Premier kif ukoll fil-BOV Challenge League, peró meta ġiet l-opportunitá li ningħaqad ma’ Valletta FC bħala kowċ tal-goalkeepers tat-tim ta’ taħt il-21 sena u l-kumplament tal-akkademja ma stajtx nirrifjuta. Minn dejjem kienet il-ħolma tiegħi li naħdem ma’ Valletta għax għalina l-Beltin huwa ta ’unur kbir li tilbes dik l-arma fuq sidrek. L-akkademja tirrikjedi ħafna xogħol u ħinijiet twal fejn ħafna drabi lanqas ġranet ta’ mistrieħ ma jkun hemm peró bl-entużjażmu nibqgħu naħdmu.
Kemm taħdem mill-qrib mal-kowċ, Thane Micallef?
Essaċċ, dirett mal-kowċ Thane Micallef, ma tantx naħdem għalkemm bejnietna għandna relazzjoni tajba ħafna u fejn fil-passat ħdimna wkoll flimkien ma’ tim ieħor. Peró, ikolli kuntatt mal-kowċ tal-goalkeepers tal-kbar fejn ta’ spiss niddiskutu rigward il-goalkeepers inġenerali ta’ Valletta FC.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek matul dan l-istaġun sa issa?
Bħala tim tal-U21, qegħdin fl-ewwel post tal-klassifika, qbadna ritmu tajjeb ħafna. Il-plejers tagħna kollha Maltin u ħafna minnhom ukoll ikunu parti mit-tim tal-kbar fil-BOV Challenge League.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
L-għan tagħna hu li nerġgħu nirbħu l-kampjonat ta’ Section A u nerġgħu nikkwalifikaw għall-UEFA Youth League, esperjenza sabiħa mmens li għadna kif esperjenzajna ftit tax-xhur ilu fil-bidu ta’ dan l-istaġun.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Bla dubju l-futbol Malti mar ‘il quddiem u juri dan sew meta tara t-timijiet Maltin jikkompetu mal-barranin. Jonqos ħafna xi jsir imma nemmen li jekk naħdmu fuq livell u set-up aktar professjonali minn etajiet żgħar, nistgħu nagħmlu qabża li fil-veritá ilna noħolmu għal ħafna snin, dik li nikkompetu fil-gruppi tal-UEFA Champions League jew il-UEFA Europa League.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Il-grawnds li nilagħbu l-kampjonat fihom għamlu avvanz fl-aħħar snin speċjalment bħala turf.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-futbol.
Fittex ibda llum stess … l-emozzjonijiet u l-esperjenzi sbieħ li jagħtik il-futbol huma indeskrivibbli!