Sunday, December 21, 2025

Fittxu lill-gvern Malti mhux lili – Jeremy Harbinson

Aqra wkoll

Fittxu lill-gvern Malti mhux lili. Din kienet it-tweġiba tal-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals Jeremy Harbinson għal ittra mibgħuta lill-kumpanija tiegħu Harbinson Forensics Limited. 

IT-TORĊA tista’ tiżvela li fit-8 ta’ Novembru tas-sena l-oħra d-ditta tal-avukati Weightmans LLP bagħtet ittra lil Dorothy Brown, il-persuna li qed tieħu ħsieb il-proċess tal-likwidazzjoni tal-kumanija Harbinson Forensics Limited. Dan il-proċess tal-likwidazzjoni beda fil-11 ta’ Ottubru 2024, ħames xhur biss wara li l-Maġistrat Gabriella Vella għalqet l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.

Fl-ittra tagħha d-ditta tal-avukati Ingliża informat lil Harbinson dwar il-possibilità li jiġi mfittex għad-danni b’rabta ma’ din l-inkjesta. Ħdax-il jum wara, fid-19 ta’ Novembru saret laqgħa bejn Brown u Harbinson. IT-TORĊA hi informata li għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll avukat Malti, li għalkemm ismu mhux magħruf, kien diġa ħadem mal-espert Irlandiż b’rabta mal-kawżi li hemm għaddejin bħal issa fil-Qorti. Fil-laqgħa saret diskussjoni dwar il-leġittimita tal-ittra mibgħuta minn Weightmans LLP.

Il-konklużjoni li waslu għaliha l-likwidatur, l-espert Irlandiż u l-avukat Malti kienet li kull talba għal xi danni ma kellhiex issir fil-konfront ta’ Jeremy Harbinson iżda fil-konfront tal-gvern Malti għax kien il-gvern Malti li talab lil Harbinson Forensics Limited biex tħejji r-rapport tal-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Weightmans LLP eventwalment ġew informati b’din it-tweġiba.

Fit-12 ta’ Diċembru tas-sena l-oħra, Jeremy Harbinson permezz tal-avukat Peter Fenech, magħruf għal kemm huwa qrib tal-PN, ressaq talba sabiex minflok jiġi Malta sabiex jixhed, jagħmel dan permezz tal-video conference. U dan għax skont Harbinson, martu kienet marida u ried ikun il-ħin kollha magħha. 

Xahrejn biss wara, fl-10 ta’ Frar li għadda, Harbinson ippreżenta affidavit fejn iddikjara li mhu se jiġi qatt lura lejn Malta u li mhux disponibbli biex ikun involut bl-ebda mod fil-proċeduri li għaddejin fil-Qorti Maltija. Fl-istess affidavit Harbinson kien iddikjara li ma kellu x’jaqsam xejn mal-akkużi kriminali u l-freezing orders li inħarġu wara l-inkjesta. 

Għal dawn l-aħħar għaxar xhur huwa baqa’ jinjora kull talba li saritlu mill-Qorti biex kif inhu d-dover tiegħu jixhed dwar ir-rapport tal-injkesta li ħadem fuqu huwa stess. Fil-Qorti fil-jiem li għaddew l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal illi gie informat mill-Pulizija tal-Irlanda ta’ Fuq illi Harbinson jinsab barra mir-Renju Unit.

Fit-3 ta’ Diċembru f’digriet il-Maġistrat Lara Lanfranco qalet li r-raġunijiet li qiegħed isemmi Harbinson sabiex ma jixhidx, inkluz dik li qed jibża’ mis-sigurtà tieghu jekk jiġi Malta, huma fil-parti kbira tagħhom infondati u ma jiġġustifikawx id-deċiżjoni tiegħu li ma jixhidx. Ġimgħa wara informat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li bħala l-prosekutur għandu d-dover li jibda jaħseb x’se jagħmel la darba Harbinson qed jibqa’ jirrifjuta li jixhed.

Għar-rapport tal-inkjesta li kienet ordnata mill-Maġistrat Gabriella Vella, Harbinson tħallas €11-il miljun. L-inkjesta damet għaddejja ħames snin u kienet ippubblikata fil-bidu ta’ Mejju tas-sena l-oħra. Iktar tard fl-istess xahar meta kien fadal biss ftit jiem għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, numru kbir ta’ persuni fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat tressqu l-Qorti fejn qed jiffaċċjaw sensiela twila ta’ akkużi mill-iktar serji.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport