Friday, January 2, 2026

“Fix-xena internazzjonali bqajna naraw xeni ta’ qsim il-qalb, ta’ vittmi innoċenti ta’ gwerer, li huma bla sens”- l-Arċisqof

Aqra wkoll

L-omeliji tal-Arċisqof Charles Scicluna fi tmiem is-sena 2025 fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta u fil-bidu tas-sena l-ġdida mill-Kappella tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.


Lejlet l-aħħar tas-sena, l-Arċisqof fakkar tliet ragħajja importanti għeżież għall-poplu Malti li Alla sejħilhom għall-ħajja ta’ dejjem – l-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP; il-Papa Franġisku u Mons. Victor Grech – li permezz tagħhom il-Mulej uriena l-imħabba tiegħu u l-qawwa tal-ħniena tiegħu u nirringrazzjawh tax-xhieda sabiħa ta’ dawn il-persuni “li taw ħajjithom għall-poplu tagħna”. Nirringrazzjawh ukoll talli tana papa ġdid u nitolbu sabiex il-Mulej jagħtih l-għerf fit-tmexxija tiegħu.

Ħeġġeġ it-talb għall-paċi għaliex “fix-xena internazzjonali bqajna naraw xeni ta’ qsim il-qalb, ta’ vittmi innoċenti ta’ gwerer, li huma bla sens” u li jistgħu jiġu evitati. 

Fl-omelija tiegħu tal-lbieraħ, fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla u l-Jum Dinji tal-Paċi, l-Arċisqof saħaq li “għandna bżonn is-silenzju biex nisimgħu l-Kelma t’Alla li tħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna u titlob minna mhux biss li nkunu bħal Alla imma li nieħdu ħsieb xulxin.”

L-Arċisqof żied jgħid li “Alla jħares lejna u jberikna. Ejjew inħarsu lejn xulxin u nbierku lil xulxin. Alla jberikna anke permezz ta’ xulxin. It-talba tiegħi ta’ din is-sena hija li nkunu tassew barka għal xulxin, aħna min aħna – ġenituri ma’ wliedhom, ulied mal-ġenituri u n-nanniet, żgħażagħ bejniethom, il-miżżewwġin, il-maħbubin, is-soċjetà bejnietna. Jalla aħna nkunu barka għal xulxin… Kemm hi ħaġa sabiħa li f’din is-sena li għadna kemm bdejna, nuru lil xulxin il-ħniena, mhux ir-rabja, jew il-vendetta, jew l-għira, imma l-ħniena! Id-dinja għandha bżonn tal-ħniena.”

Fi tmiem l-omelija, l-Arċisqof irringrazzja lill-benefatturi li permezz tal-għajnuna tagħhom 151 resident/a jistgħu jgħixu fid-Dar tal-Providenza u fl-erbat idjar oħra fil-komunità. Stieden lil kulħadd jitlob biex id-Dar tal-Providenza tkun “network ta’ preżenza, solidarjetà, għożża, promozzjoni tad-dinjità ta’ ħutna, tad-dinjità umana ta’ ħutna, tal-awtonomija tagħhom, ta’ dawk li jieħdu ħsieb dak li hu neċessarju”.

Wara l-quddiesa, l-Arċisqof Scicluna żar lir-residenti tad-Dar u l-voluntiera li llum jgħinu waqt il-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza. Hu rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi “biex l-imħabba tal-qalb tagħna tkun dik li turi għożża u propju t-tgħanniqa ta’ min jifhem u jgħin”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport