Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qal li f’Jum il-Ħelsien għandu jiġi ċċelebrat il-prinċipju tant importanti tan-newtralità ta’ pajjiżna. F’intervista fuq ONE, Dr Abela qal li bħala poplu għandna nkunu kburin b’din il-kisba storika għax tatna dinjità wara li Malta nħelset mill-ħakma tal-barranin, episodju li welled il-prosperità ekonomika tal-pajjiż.
Dr Abela qal li fil-kuntest ta’ dak li qed jiġri llum, ir-relevanza ta’ Jum il-Ħelsien kibret ħafna għax in-newtralità u l-paċi huma importanti minħabba l-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja kif ukoll fil-Lvant Nofsani. Il-Prim Ministru qal li b’dak li welled il-Perit Dom Mintoff fl-1979, pajjiżna għandu l-privileġġ li hu newtrali. Saħaq li għandna nibqgħu nibagħtu l-messaġġ b’saħħtu li dawn iż-żewġ gwerer iridu jieqfu billi ninvestu fil-paċi u d-diplomazija.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern dejjem kien ċar, kemm fl-OSCE, fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u anke fil-Kunsill Ewropew li Malta hi favur il-paċi u kontra l-gwerer. Spjega kif Malta mhux se tieħu sehem fl-inizjattiva ta’ self għax-xiri tal-armi u l-munizzjon proposta mill-Unjoni Ewropea, anke jekk il-Partit Nazzjonalista qed jipprova jdawwar dak li qal hu dwar din il-kwistjoni.
Dr Abela qal li ħadd mhu jemmen lill-Oppożizzjoni. Sostna li l-PN qed jipprova jaħbi l-kontradizzjonijiet u l-qasma li teżisti fi ħdanu, iżda qal li l-poplu jaf min hu kredibbli dwar din il-kwistjoni. Ħabbar li fix-xhur li ġejjin il-Gvern se jkomplu juri bl-azzjoni kif mhux se jinvesti fi gwerer, iżda billi joffri għajnuna umanitarja, tant li fil-jiem li ġejjin se jinġiebu f’Malta tfal minn Gaza biex jingħataw kura medika.
Il-Prim Ministru qal li Malta hija l-uniku stat membru tal-UE li l-prijoritajiet tagħna baqgħu ffukati fuq is-soċjal mhux fuq id-difiża u l-armi. Spjega kif din il-formula ekonomika u l-immaniġġjar tal-finanzi tal-pajjiż qed tirrendi f’riżultati bħal dawk miksuba s-sena li għaddiet, meta l-Gvern irnexxielu jnaqqas id-defiċit fuq is-sena ta’ qabel, anke jekk fl-istess waqt li baqa’ jagħti l-għajnuniet soċjali. Sostna li dan qed isir għax il-Gvern qed ikabbar il-kejk ekonomiku u għall-kuntrarju ta’ dak li kien isir qabel l-2013 meta d-dejn nazzjonali kien tela’ għal 70%, dan il-Gvern qed iżomm id-dejn taħt il-50% b’rata ta’ tkabbir ta’ madwar 6%.
Il-Prim Ministru tkellem dwar it-tliet snin mir-rebħa elettorali ta’ din il-leġislatura, u semma l-għadd ta’ miżuri li twettqu s’issa. Fosthom irrefera għad-dħul fis-seħħ tal-liġi tal-IVF u s-servizzi ta’ saħħa mentali fil-komunità; ir-riformi fil-kostruzzjoni, fl-inkjesti maġisterjali, u fis-settur tal-ospitalità; iż-żidiet fiċ-children’s allowance u l-pensjonijiet; il-proġetti bħall-Imsida Creek u t-trakka tal-karozzi li għaddejjin ġmielhom; kif ukoll l-investiment fil-ħaddiema li qed jirċievu żidiet massivi bi ftehimiet kollettivi f’oqsma varji.
Dr Abela qal li l-Gvern qed jaħdem fuq il-Viżjoni Malta 2050 biex il-pajjiż ikollu miri speċifiċi fejn irid jasal, bi pjan fit-tul. Irrefera għall-konferenza tas-Sigma, settur li qal jgħaqqad mal-viżjoni tal-Gvern, u kien għalhekk li semma l-ħtieġa ta’ faċilità permanenti għall-konferenzi kbar biex jiġu attirati lejn Malta kumpaniji multi-miljunarji li joħolqu impjiegi ta’ kwalità.
Il-Prim Ministru qal li dan il-Gvern qed jagħti appoġġ lill-investituri biex joperaw minn pajjiżna, qed ikun ta’ sostenn għall-ħaddiema u jinċentiva lin-nies għax jemmen fil-potenzjal u r-reżiljenza tal-Maltin u l-Għawdxin, li dejjem kienu strumentali għas-suċċess ta’ pajjiżna.