Thursday, December 26, 2024

F’Jum il-Milied ġew irreġistrati li twieldu sebat itrabi

... Għaxra oħra fl-Ewwel tas-Sena

Aqra wkoll

Il-ġranet tal-festi li għadna kemm iċċelebrajna – dak tal-Milied u l-Jum tal-Ewwel tas-Sena, iġibu ferħ u għaqda fil-familji tagħna. Dan il-ferħ jiżdied meta familjja tingħata r-rigal sabiħ ta’ tarbija ġdida. F’Malta u f’Għawdex din is-sena kellna rreġistrati t-twelid ta’ sebat itrabi f’Jum il-Milied mentri, għall-Ewwel tas-Sena kien hemm irreġistrati t-twelid ta’ għaxra oħra.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, fejn mid-dettalji li ta jirriżulta li t-trabi li ġew irreġistrati li twieldu nhar il-25 ta’ Diċembru 2023 kienu ħamsa ta’ sess femminili u tnejn kienu ta’ sess maskili. 

Fil-każ tat-trabi rreġistrati li twieldu fl-1 ta’ Jannar 2024, dawn kienu tlieta ta’ sess femminili u l-bqija, jiġifieri sebgħa, kienu ta’ sess maskili.

Il-Ministru Byron Camilleri kien qiegħed jirrispondi għal żewġ interpellanzi parlamentari separati magħmula mid-deputat tal-PN, Karol Aquilina li min-naħa tiegħu talab tagħrif kemm twieldu trabi f’dawn iż-żewġ okkażjonijiet f’Malta u Għawdex, is-sess tagħhom, kif ukoll in-nazzjonalità tal-imsemmija trabi.

Fiż-żewġ każijiet, il-Ministru Camilleri ċċara li mhuwiex ir-rwol tar-Reġistru Pubbliku li jżomm l-istatistika ta’ kemm jitwieldu trabi imma dak li jirreġisttra t-twelid ta’ tarbija li tkun notifikata mal-istess Reġistru Pubbliku.

Barra minnhekk, huwa qal ukoll li jinsab infurmat li fl-Att tat-Twelid ma tinġabarx informazzjoni dwar in-nazzjonalità tat-tarbija.

Ekonomija

Sport