Thursday, April 18, 2024

F’jum wieħed biss fi Frar għaddew 17,531 passiġġier mill-ajruport

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb riżultat ieħor inkoraġġanti għall-istaġun tax-xitwa, hekk kif fi Frar għaddew mill-ajruport 379,073 passiġġier, kważi d-doppju tal-movimenti tal-passiġġieri rreġistrati fl-istess xahar tal-2022.

Minkejja li huwa l-iqsar xahar, meta tqabbel it-traffiku li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra fi Frar ma’ dak ta’ Jannar, jirriżulta li d-differenza fil-movimenti tal-passiġġieri kienet ta’ 262 passiġġier biss.

It-18 ta’ Frar kienet l-aktar ġurnata impenjattiva, hekk kif għaddew mill-ajruport 17,531 passiġġier u dan hekk kif iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Karnival kienu fl-aqwa tagħhom u l-istudenti bil-btajjel. Fil-fatt, matul tmiem il-ġimgħa tal-Karnival, intlaħqet medja ta’ 88 fil-mija fis-seat load factor (SLF).

Mill-banda l-oħra, il-medja tas-SLF għax-xahar ta’ Frar kienet ta’ 82.6 fil-mija, jiġifieri żieda ta’ 6.8 fil-mija fuq is-seat load factor li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra fi Frar tal-2019.

Fi Frar li għadda, l-Italja, ir-Renju Unit u Franza żammew posthom bħala l-aktar swieq importanti għall-ajruport, filwaqt li s-suq Ġermaniż tela’ fir-raba’ post u dak Pollakk sab postu bħala l-ħames l-aktar suq importanti.

Ekonomija

Sport