Saturday, December 21, 2024

“F’każijiet ta’ proprjetà privata l-Kunsill ma jista’ jagħmel xejn”

Il-Viċi Sindku Carlos Zarb dwar in-nirien li ħakmu għalqa biswit blokok residenzjali fil-Qawra

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bħall-bieraħ ġimgħa, f’nofs ta’ lejl, pumpiera mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sssejħu biex jassistu fil-Qawra minħabba nirien li żviluppaw f’għalqa biswit bini residenzjali fil-Qawra. Dan is-sit kellem lill-Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb, minħabba li kellmitna persuna li qaltilna li snin ilu kien diġà ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill dwar l-iżdingar tal-istess għalqa, inkluż il-ħażix ħażin u niexef li hemm fiha. Zarb min-naħa tiegħu qalilna li f’dawn l-aħħar xahrejn ma kienx hemm ilmenti jew rapporti rigward din l-għalqa partikolari imma jista’ jkun li hemm il-possibbiltà li l-istess rapport ma ġiex irreġistrat minħabba li “peress li hija proprjetà privata, il-Kunsill ma jista’ jagħmel xejn”.

In-nirien li ħasdu l-lejl tar-residenzi fil-viċinanzi qabdu ftit qabel nofsilejl, infirxu mhux ħażin u resqu pjuttost viċin ħafna lejn il-binjiet residenzjali tal-madwar tant li s-sħana tagħhom bdiet tinħass lejn twieqi, btieħi u gallariji. Minħabba l-possibbiltà ta’ periklu, uħud mir-residenti li kienu mqajmin għażlu li jevakwaw minn djarhom bħala miżura ta’ prekawzjoni. 

Biża’ minn possibbiltà ta’ periklu…

Persuna fost dawn ir-residenti stqarret ma’ dan il-ġurnal li, “kelli t-tfal reqdin iżda x’ħin rajt dak in-nar jaqbad viċin wisq it-twieqi tal-kmamar tas-sodda, iddeċidejt li nqajjimhom u noħroġhom mid-dar. Bżajt. Imn’alla ġew malajr u kkontrollaw is-sitwazzjoni l-ħaddiema tat-tifi tan-nar għax kieku ma nafx x’kien jiġri. Sa l-annimali ħriġt magħna. Ir-riħa tad-duħħan xorta daħlet fid-dar avolja kelli kullimkien magħluq u dak perikoluż ħafna”.

Fortunatament, ħadd ma huwa rrapportat li weġġa’ minn dan l-inċident. Resident ieħor qalilna li wara li nftegħu n-nirien u ħafna ħasbu li spiċċa kollox, f’xit-3.00 ta’ filgħodu reġa’ kellu jċempel lid-Dipartiment minħabba li reġgħet qabdet l-istess għalqa, sitwazzjoni li għal darb’oħra “ġiet ikkontrollata mill-ewwel”.

Burokrazija u mentalità fqira

Min-naħa tiegħu l-Viċi Sindku ta’ San Pawl il-Baħar li taħtu jaqgħu l-inħawi tan-nirien li seħħu viċin il-Knisja tal-Qawra, spjega li aktar minnhekk, l-imsemmija proprjetà hija magħluqa bil-blokok tal-konkrit. “Jiġifieri mhiex possibbli, għall-ebda entità li jwaqqa’ dawk il-blokok ħalli jidħlu u jnaddfu f’art privata. Normalment il-proċedura tkun li dipartimenti bħal tas-Sanità, għax normalment fejn ikun hemm l-iskart ikun anke problema ta’ saħħa involuta minħabba l-mard li dan jista’ jġib, jibagħtu ittra lis-sid biex inaddaf il-propjetà tiegħu,” spjega Zarb. 

Huwa qal li hemm ukoll id-Dipartimenti tal-Artijiet li jistgħu jaghmlu dan ukoll. “Sfurtunatament il-proċess ta’ dan huwa wieħed daqxejn twil u burokratiku għax dan ikun jiddependi mill-koperazzjoni tas-sid. Fl-istess ħin, wieħed irid jifhem ukoll lis-sid li jrid jispiċċa jiġbor lis-skart li jkun tefa’ ħaddiehor. B’hekk nerġgħu naslu għall-kultura u l-mentalità fqira li għandna f’dan il-pajjiż fejn jidħol id-dispożizzjoni kif suppost ta’ skart,” temm b’nota diżappuntata Carlos Zarb.

Ekonomija

Sport