Thursday, October 31, 2024

“F’kompetizzjonijiet bħal dawn bla ma trid tiddixxiplina ruħek u tikkuntenta b’li jkollok”

Christian Fenech, ir-rebbieħ tat-18-il edizzjoni ta' Liquorish

Aqra wkoll

Christian Fenech kien dikjarat rebbieħ tat-18-il edizzjoni ta’ Liquorish li kien jixxandar fuq l-istazzjon televiżiv ONE kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija bi preżentazzjoni ta’ Andrea Cassar.

Il-parteċipanti din is-sena kellhom imorru fl-Afrika t’Isfel sabiex jesperjenzaw sfida wara l-oħra. B’kollox ħadu sehem disa’ konkorrenti, bi Christian Fenech miż-Żejtun li fl-aħħar mill-aħħar ħareġ rebbieħ. 

Kull min segwa l-episodji ta’ Liquorish seta’ jinduna li kien hemm għaqda kbira bejn il-parteċipanti, bil-ġenwinità tagħhom li spikkat matul din l-avventura kollha.

Dan is-sit iltaqa’ ma’ Christian Fenech innifsu li deher ferm kuntent b’dan l-unur li għadu kemm kiseb. Mal-ewwel staqsejnieh kif tħajjar biex jieħu sehem f’dan il-programm tant popolari: “Proprjament qisu sieħbi ħajjarni sabiex nieħu sehem. Hu applika għal din l-isfida u fl-istess ħin tħajjart jien ukoll, u għalhekk applikajna f’daqqa. B’hekk sieħbi kien qisu l-ixprun sabiex jien ukoll nipparteċipa għaliha, xi ħaġa li qatt ma kelli ħsieb nagħmilha,” spjega Christian.

Iżda Christian kien qed jistenna li jirbaħ din il-kompetizzjoni?

“Lanqas xejn! Jien iktar ħadtha bħala avventura, għax jien bniedem li nħobb ħafna l-isfidi. Jogħġbuni dawn l-affarijiet speċjalment meta jirnexxielek tilħaq l-objettivi tiegħek u jkollok ħafna sodisfazzjon.”

Christian ikkonferma li l-grupp magħmul minn disa’ parteċipanti kienu kollha kemm huma magħquda u kulħadd kien lest li jgħin wieħed lill-ieħor. Hu ma kellux xi karattru partikolari li qabel miegħu minħabba li kien ikellem u jirrispetta lil kulħadd.

Matul din l-esperjenza xejn faċli iżda li tħallik ferm sodisfatt, il-parteċipanti kellhom diversi sfidi partikolari fosthom li jieklu l-insetti. F’waħda minn dawn l-isfidi, Christian u sħabu ingħataw borża dud sabiex jikluha. Kif ħassu Christian waqt u wara din l-isfida partikolari?

“Bla dubju ma kinitx xi ħaġa faċli. Rajt borża mimlija dud u ridt niekol xi wħud minnhom. Għal bidu qisni ma rajtx xi togħma partikolari. Jien bdejt nieħu minnhom iżda kien diffiċli ħafna li tniżżilhom kollha għax kien hemm borża mimlija bihom”.

Hu qal li kien hemm mumenti fejn esperjenza l-ġuħ minħabba li normalment kienu jieklu xi cereal bar filgħodu u xi daqsxejn kafè, imbagħad iridu jaraw kif se jagħmlu apparti li ġieli kielu ħafna sigħat wara. Mhux darba jew tnejn li kienu jsibu xi ħaġa mat-triq li kienet tkun tajba u kienu joħduha għalkemm din mhux xi ħaġa li tiltaqa’ magħha fil-ħajja ta’ kuljum.

Esperjenza oħra partikolari li għadda minnha Christian Fenech kienet meta kellu jieħu sehem fil-Bungee Jumping u anke Skydiving. X’ħass meta kellu jagħmel dawn l-isfidi xejn faċli u ta’ riskju kbir?

“Fil-verità kont diġà għamilt Sky Diving fi Sqallija u għalhekk kont naf x’se nsib. Mill-banda l-oħra, il-Bungee Jumping ippruvajtu għall-ewwel darba u kont xi ftit eċitat għall-bidu. Dejjem xtaqt nagħmel dan l-aħħar eżerċizzju u tista’ tgħid li ġietni opportunità tad-deheb sabiex nagħmel dan. Bla dubju li dawn kollha kienu esperjenzi tal-blieh.”

Christian Fenech u sħabu kellhom jgħaddu xi ġranet mingħajr il-mowbajl, xi ħaġa ferm diffiċli meta tqis li llum il-ġurnata l-bniedem ma jgħaddix mingħajr teknoloġija u l-midja soċjali. 

Hu kien magħruf għall-frażi ċelebri Champion King li ssemmiet ħafna matul il-programm Liquorish. Iżda din minn fejn oriġinat?

“Sieħbi kien jgħidli din il-frażi wara li xi ħaġa tkun marret tajjeb u għalhekk jien qisni daħlet f’ħalqi. Bqajt ngħidha u kulħadd kien isemmihieli.”

Fenech jaħdem fid-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili u hemmhekk trid tkun dejjem lest għal li jinqala’ apparti li jingħataw taħriġ fiżiku apposta sabiex dejjem ikunu ppreparati. Dan kollu għenu sabiex ċerti avventuri joħorġu aħjar, aktar u aktar għax huma jkollhom sessjonijiet fuq il-ħbula u oħrajn tal-ġiri. Ċertament dan kollu għen matul l-avventura fl-Afrika t’Isfel għalkemm kull sfida kellha l-faxxinu tagħha. 

Il-parteċipanti esperjenzaw anke individwi li verament huma foqra u m’għandhom xejn. Madankollu Christian jaħsibha differenti.

“Jien ngħid li mhux huma foqra imma aħna. Aħna għandna kollox imma xi kultant m’aħniex kuntenti. Huma m’għandhom litteralment xejn iżda xorta tarahom bi tbissima fuq fommhom. Għalhekk huma żgur mhux fqar f’qalbhom.”

Christian jgħid li ggosta ħafna lil ċerti tfal u żgħażagħ li meta applikawlhom ftit krema kontra x-xemx kienu verament eċitati u rawha bħala xi ħaġa kbira. Min-naħa l-oħra, għalina l-Maltin din hi xi ħaġa normali u għalhekk hu jgħid li kienu jifirħu b’dak kollu li jiġri dak il-mument partikolari.

Iżda kieku kellu jerġa’ jagħmel din l-isfida, jerġa’ jidħlilha?

“Iva! Għaliex le? Verament ħadt pjaċir u lest li nerġa’ nagħmilha!”

Hu qal li l-produzzjoni tal-programm ituhom l-istruzzjonjiet x’għandhom jagħmlu imbagħad iridu jkunu huma li jirsistu sabiex jaslu bl-aħjar mod possibbli. Hu kellu kuraġġ kbir u grazzi wkoll għas-sapport ta’ ħaddieħor, waslu fejn kellhom jaslu.

Fl-aħħar nett tlabna lil Christian Fenech, ir-rebbieħ tat-18-il edizzjoni tal-programm Liquorish, sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jipparteċipaw f’dan il-programm.

“L-ewwel nett qatt m’għandek taqta’ qalbek għal xi sfida. Meta int tipparteċipa f’kompetizzjonijiet bħal dawn, bla ma trid tiddixxiplina ruħek apparti li torganizza ruħek u tikkuntenta b’li jkollok. Għalhekk inħeġġeġ lil kulħadd sabiex jipparteċipa f’dan il-programm għax hi esperjenza verament sabiħa.”

Sport