Friday, November 28, 2025

‘F’kull tip ta’ sport huwa importanti li wiehed ikun konsistenti u dixxiplinat u mhux biss ikollu l-motivazzjoni’ – Justine Xuereb

Aqra wkoll



Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-OCR?

L-imħabba tiegħi lejn l-OCR bdiet madwar tliet snin ilu, meta ngħaqadt mat-team tal-4ever warriors, li dak iż-żmien kien jismu KYX warriors u li hu mmexxi minn Robert Scerri, u għamilt l-ewwel Grid ta’ Pembroke mal-grupp. Is-sena ta’ wara, iddeċidejt li nieħu sehem fl-istess tellieqa bħala ‘elite athlete’, fejn din id-darba l-ostakli matul il-korsa kelli negħlibhom waħdi. Din kienet l-ewwel tellieqa kompetittiva fix-xena ta’ dan it-tip ta’ sport. 

Minn hemm, bl-għajnuna tal-kowċ tiegħi, Robert, irnexxieli nimraħ mhux biss fl-OCR imma wkoll fi sport simili bħall-‘Hyrox’ u ‘Crossfit’, fejn fit-tnejn jidħol fihom il-‘functional training’. F’kull tip ta’ sport, id-dixxiplina hija ċ-cavetta tas-suċċess u bl-għajnuna tal-kowċ li jipprepara l-programm tat-taħriġ, dejjem ra li nkun ippreparata għal kull tip ta’ tellieqa. 

X’suċċessi maġġuri ksibt sa issa f’dan l-isport li tant tħobb?

F’dawn l-aħħar tliet snin irnexxieli nikseb: – 2024 1st age group 16-29 fil-Grid League – 2025 2nd  age group 16-29 fil-Grid League – 2024 1st age group 25-29 fid-distanza ta’ 21k u 10k Spartan Malta – 2025 3rd age group 25-29 fid-distanza ta’ 21k Spartan St. Polten Austria. Rigward kompetizzjonijiet oħra li ħadt sehem li mhumiex meqjusin bħala OCR, irnexxieli nikseb dawn ir-riżultati, fejn ftit minnhom ikkompetejt ma’ sħabi fit-tim: – L-ewwel post fil-kategorija ‘Division 3’ Savage League 2025 – Ir-raba post fil-kategorija ‘Scaled’ Campus Games 2025 – It-tmien post fil-kategorija ‘Everyday’ Island Games Malta 2025 – 2025 1st age group 20-29 Deadly Dozen Malta.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Robert Scerri?

Ninżagħlu l-kappell tal-ħin li jiddedika lejn l-atleti tiegħu. Huwa kowċ, li kull atleta jixtieq li jkollu – fejn hu jipprepara l-programm tat-taħriġ skont l-abbilitajiet tiegħek u fejn ikollok bżonn tiffoka biex tibqa’ titjieb u timxi ‘l quddiem. Fi kliem qasir, huwa jispjeċjalizza f”Hybrid Training’ peressli bħala tim, nikkompetu f’aktar minn tip wieħed ta’ sport. Robert għandu bażi sew f’xeni tal-isport peressli hu beda t-taħriġ tiegħu minn etá bikrija. Huwa passjonat ħafna lejn ix-xena sportiva u jkun irid joħroġ l-aqwa f’kull atleta minn tiegħu. Qabel ma ltqajt ma’ Robert, kont għadni qatt ma ġrejt f’ħajti u bl-għajnuna tiegħu, fi żmien ta’ tliet snin irnexxieli ntejjeb il-ġiri tiegħi, tant li ġrejt nofs maratona fi Spartan u kelli anke negħleb fuq 30 ostaklu. 

Kif tqis il-livell tal-OCR f’pajjiżna?

Hawn diversi atleti li qed jgħollu l-livell tal-OCR u ftit minnhom anke rrappreżentaw lil Malta barra minn xtutna u kisbu unuri. Dawn l-aħħar snin, diversi tfal f’pajjiżna bdew jattendu dan l-isport fil-faċilitajiet li hawn madwar Malta u tarahom jitjiebu b’rata mgħaġġla, fejn dawn ma jkollhom l-ebda biżá biex jegħlbu l-ostakli.  

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Il-faċilitajiet li hawn dejjem ikomplu jitjiebu biex l-atleti jkunu jistgħu jippreparaw lilhom infushom biex anke jkunu jistgħu jikkompetu kontra atleti oħra barra minn Malta. Ovvjament dejjem ikun hemm lok biex jitjiebu l-affarijiet u importanti biex diversi organizzazzjonijiet differenti jaħdmu id f’id bil-għan li jogħla l-livell ta’ dan l-isport.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-OCR?

L-OCR dejjem jibqa’ f’qalbi u trid tistinka biex dejjem tkompli titjieb fih, barra l-paċenzja li għandek bżonn fih. F’kull tellieqa tista’ ssib ostakli differenti u jrid ikollok l-għodda biex tkun tista’ tegħlibhom dak il-ħin. Jien entużjasta biex inkompli naħdem flimkien mal-kowċ tiegħi biex inkompli nitjieb fl-isport. 

Għaddi messaġġ finali lil kull min jixtieq jibda jipprattika l-OCR.

L-OCR huwa sport fejn wieħed irid ikollu paċenzja imma kif tegħleb kull ostaklu, wieħed ikollu sens ta’ sodisfazzjoni kbir. F’kull tip ta’ sport huwa importanti li wieħed ikun konsistenti u dixxiplinat u mhux biss ikollu l-motivazzjoni.

L-isport jgħinek mhux biss biex tkun b’saħħtek fiżikament imma anke biex tkun b’saħħtek mentalment u importanti li wieħed isib ftit ċans fejn jeżerċita fl-isport, speċjalment fil-ħajja mgħaġġla tal-lum. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport