Matul l-2019, il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) irreġistrat żieda fl-assistenza finanzjarja li pprovdiet lil persuni vulnerabbli u pazjenti li kienu jeħtieġu kura speċjalizzata.
Fir-rapport annwali ppreżentat waqt l-ewwel laqgħa ġenerali annwali taħt il-Presidenza ta’ George Vella, li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton, ġie spjegat kif l-assistenza mogħtija fis-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2019 telgħet għal kważi €15.2m, żieda fuq il-€11.85m li ngħataw f’għajnuna fl-2018. Din iċ-ċifra hija rrapreżentata minn żieda ta’ kważi €4.4m f’għajnuna lil pazjenti u qraba tagħhom barra minn Malta, mediċina speċjalizzata, u tagħmir speċjalizzat.
Sena b’sena, fl-2019 il-Fondazzjoni qassmet madwar €3.3m aktar mis-sena 2018, filwaqt li naqqset l-ispejjeż amministrattivi tagħha bi kważi €80,000. Fl-istess perjodu, esperjenzat tnaqqis fil-kontribuzzjonjiet totali miġbura mill-attivitajiet kollha, hekk kif dawn naqsu minn ftit aktar minn €7m fl-2018 għal kważi €6.5m fl-2019. Dan fl-istess waqt li l-ispejjeż relatati mal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi naqsu bi kważi €90,000, fi sforz biex dawn l-ispejjeż jibqgħu relattivament baxxi meta kkumparati mal-ġbir.
Il-President qal li l-MCCFF hija istituzzjoni ta’ karità u wens li, sa mill-bidu tal-Presidenza tiegħu, ħass li kienet teħtieġ kontroll fuq min kien jikkwalifika għal ċerti benefiċċji. Dan sar billi bdiet issir verifika iktar stretta tal-mezzi li jkollu l-applikant, bħalma jsir anki biex individwu jikkwalifika għal benefiċċji tal-Gvern. Filwaqt li rrefera għal kif l‑ispiża għall‑mediċina ta’ kontra l‑kanċer qiegħda dejjem tikber, stqarr li sfortunatament in‑numru ta’ pazjenti żdied ukoll.
Bħala tabib u bħala missier, il-President tkellem ukoll dwar l‑għafsa ta’ qalb li wieħed iħoss kull darba li jkollu x’jaqsam ma’ każ ġdid ta’ mard, speċjalment fil‑pazjenti żgħar fl-età. Filwaqt li rringrazzja lill-voluntiera kollha u lil dawk li jagħtu s-sehem tagħhom għal din il-Fondazzjoni, wiegħed li, flimkien ma’ martu, se jkompli jqis il‑ħarsien tal‑MCCFF bħala missjoni importanti u parti sħiħa mill‑Presidenza bil-għan li tibqa’ tkun ħajt ta’ kenn u għajn ta’ tama għal kull min jiġi bżonn is‑servizzi li toffri.
Iċ-Chairperson tal-Bord Amministrattiv tal-MCCFF Marlene Mizzi spjegat l-importanza li l‑Fondazzjoni tagħti lill-governanza tajba fit-twettiq tal-missjoni tagħha. Hija qalet li l-Fondazzjoni tibbaża l‑ħidma tagħha fuq tliet prinċipji prinċipali: it-trasparenza, il-kontabilità, u ġustizzja. Hija fissret kif l-Unità għall-Assistenza Medika approvat aktar minn 1,400 applikazzjoni, li jikkonsistu f’36 tip differenti ta’ kimoterapija speċjalizzata u assistenza barra minn Malta. Din tal-aħħar tirrifletti f’aktar minn 200 vjaġġ bl-ajru u 1,500 lejl ta’ akkomodazzjoni biex jiġu assistiti pazjenti u qrabathom li kellhom bżonn jivvjaġġaw barra mill-pajjiż għall-kura.
Ir-rapporti finanzjarji tas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2019 inqraw lil-laqgħa ġenerali mill-Uffiċjal Finanzjarju Ewlieni tal-MCCFF Mark Mizzi, filwaqt li ċ-Chairperson tal-Kumitat Finanzjarju tal-MCCFF John Huber ta rendikont tagħhom. Ir-rapport annwali għall-2019 jista’ jiġi aċċessat mis-sit elettroniku tal-Malta Community Chest Found Foundation: www.mccff.org.mt.