Sunday, December 22, 2024

Fl-2021 għaddew 2.54 miljun passiġġier mill-Ajruport Malti

Aqra wkoll

Fl-2021, 2,540,335 passiġġier għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Filwaqt li dan ir-riżultat isarraf f’titjib ta’ 45.3% fuq l-2020, meta jitqabbel mal-2019 jindika li ġew irkuprati biss 34.8% tal-passiġġieri għal dik is-sena.

L-aqwa swieq għas-sena kienu l-Italja u r-Renju Unit, biż-żewġt iswieq igawdu sehem mis-suq ta’ 19% kull wieħed, segwiti mill-Ġermanja, Franza u l-Polonja.

Dawn ir-riżultati ġew ippreżentati aktar kmieni llum mill-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta s-Sur Alan Borg u l-Kap tal-Iżvilupp tat-Traffiku s-Sur Alex Cardona waqt l-ewwel konferenza stampa tal-kumpanija għall-2022.

Ħarsa lejn ir-riżultati tat-traffiku miksubin mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għal kull xahar uriet li wara l-ewwel nofs tas-sena l-ivvjaġġar bl-ajru qabad ritmu inkoraġġanti hekk kif żdiedet l-istabbilità u l-kunfidenza tal-konsumatur fl-industrija. Dan wassal sabiex il-movimenti tal-passiġġieri għat-tielet kwart tal-2021 żdiedu b’aktar mit-triplu ta’ dak li ġie rrappurtat fil-tliet xhur ta’ qabel.

Ottubru, li ra lill-ajruporti fin-Nofsinhar tal-Ewropa jħabbru riżultati tat-traffiku mtejbin, kien l-aqwa xahar tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u matulu ġew irreġistrati aktar minn 428,000 moviment tal-passiġġieri. Dan jista’ jiġi attribwit għall-fatt li l-quċċata tad-domanda għall-ivvjaġġar intlaħqet aktar tard mis-soltu hekk kif biet għaddejja s-sena u bdew jiġu rrilassati r-rekwiżiti tal-ivvjaġġar, sakemm tfaċċat razza ġdida tal-virus f’Novembru 2021.  

“L-impatt immedjat fuq l-ivvjaġġar bl-ajru tal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet aktar stretti lejn l-aħħar tas-sena, għal darba oħra wera li l-irkupru tal-industrija tagħna jiddependi ħafna fuq kif l-awtoritajiet jirreaġixxu għall-bidliet fis-sitwazzjoni epidemjoloġika. L-introduzzjoni ta’ rekwiżiti aktar stretti u mhux uniformi fl-aħħar tal-2021 diġà wasslet għall-kanċellazzjoni ta’ madwar 850 titjira għall-ewwel kwart tal-2022,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta s-Sur Alan Borg.

Is-Sur Borg kompla billi qal li s-sajf tal-2022 huwa mistenni jkun ikkaratterizzat minn kompetizzjoni taħraq bejn destinazzjonijiet simili, speċjalment hekk kif jiżdied il-persentaġġ ta’ persuni mlaqqmin fl-Ewropa.

Filwaqt li rrikonoxxa l-ħidma tal-awtoritajiet sabiex iqiegħdu lil Malta fuq quddiem nett fir-rigward tat-tilqim, is-Sur Borg appella lill-gvern sabiex issa jiffoka fuq il-pubblikazzjoni ta’ strateġija ta’ wara l-COVID li tagħti l-kunfidenza lill-industrija li tinvesti fin-negozji, biex b’hekk Malta tkompli ttejjeb il-prodott turistiku tagħha u anki l-vantaġġ kompettiv fuq destinazzjonijiet simili. Min-naħa l-oħra, huwa importanti wkoll li r-rekwiżiti sabiex wieħed jidħol f’Malta jkunu allinjati mar-regolamenti tal-UE u jagħtu s-serħan il-moħħ lil persuni li jkunu jixtiequ jivvjaġġaw sabiex jibbukkjaw it-titjira tagħhom.

Dejta maħruġa minn Airports Council International, li ġiet ippreżentata waqt il-konferenza, uriet li r-rata ta’ rkupru ta’ Malta ta’ 33.5% għall perjodu bejn Jannar u Novembru 2021 kienet aktar kajmana minn dik ta’ pajjiżi oħrajn fin-Nofsinhar tal-Ewropa bħall-Greċja (52.5%), Ċipru (44.3%), Spanja (41.7%), u l-Portugall (40.3%), minkejja li l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rnexxielu jżomm madwar 70% tal-konnessjonijiet li kellu fl-2019 matul l-2021.

Ekonomija

Sport