Wednesday, December 25, 2024

“Fl-2021 mill-256 twissija li ħareġ l-Uffiċċju Meteoroloġiku s-sena li għaddiet, waħda biss ingħatat il-kulur aħmar”

Aqra wkoll

L-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija qiegħda tuża l-Jum Dinji tal-Meteoroloġija tal-2022, li ilu jiġi ċċelebrat fit-23 ta’ Marzu għal dawn l-aħħar 61 sena, sabiex tqajjem aktar għarfien dwar l-importanza ta’ twissijiet bikrija li jippermettu lill-pubbliku, organizzazzjonijiet u awtoritajiet sabiex iħejju ruħhom u jirrispondu għal ċerti avvenimenti tat-temp u tal-klima.

Matul is-sena 2021, l-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa, li huwa l-fornitur uffiċjali tas-servizzi tat-temp tal-Gżejjer Maltin, ħareġ 256 twissija tat-temp bil-għan li jgħin lill-pubbliku ġenerali, lill-baħħara u għadd ta’ entitajiet jipproteġu lilhom infushom u lil persuni dipendenti mis-servizzi tagħhom mill-impatt ta’ temperaturi għoljin, riħ qawwi, xita, maltempati bir-ragħad u mewġ għoli.

Kull twissija li tinħareġ mill-Uffiċċju Meteoroloġiku tingħata wieħed minn tliet kuluri: l-isfar (kun af) jindika li t-temp ikun mistenni jkollu xi impatti baxxi fuq l-attivitajiet ta’ kuljum; l-oranġjo (kun preparat) jindika possibbiltà miżjuda li t-temp jista’ jikkawża xi taqlib; u l-aħmar (ħu azzjoni) jindika li temp estrem, li jirrikjedi li l-pubbliku jieħu azzjoni u anki jevita nħawi perikolużi, huwa mistenni.

“Mill-256 twissija li ħareġ l-Uffiċċju Meteoroloġiku s-sena li għaddiet, waħda biss ingħatat il-kulur aħmar. Din kienet applikabbli bejn id-9 u t-12 ta’ Awwissu hekk kif it-temperaturi massimi kienu mistennijin jisbqu n-norma klimatika b’mod sinifikanti, u jvarjaw bejn it-38°C and l-41°C. L-Uffiċċju Meteoroloġiku jieħu r-responsabbiltà tiegħu li jwissi lin-nies dwar temp ħażin jew estrem b’serjetà kbira, u joħroġ twissija bil-kulur adattat biss ladarba jintlaħqu ċerti kriterji stabbiliti, biex b’hekk ma jiġix ikkawżat allarm li ma jkunx neċessarju,” qalet il-bassara tat-temp Martina Gatt.

Matul dawn l-aħħar snin, avvanzi teknoloġiċi kbar u investiment kontinwu fl-aktar strumenti u mudelli tat-temp sofistikati, ippermettew lill-Uffiċċju Meteoroloġiku jibda joħroġ tbassir tat-temp aktar fit-tul. Filwaqt li strumenti tat-temp mill-aktar avvanzati kkontribwew sabiex jitnaqqsu l-iżbalji umani u tiżdied il-preċiżjoni, il-kontribut ta’ persuni li jaħdmu bħala osservaturi u bassara huwa essenzjali sabiex id-dejta tat-temp tiġi tradotta fi tbassir li l-pubbliku jkun jista’ jifhem, kif ukoll sabiex it-tbassir jiġi adattat għal setturi differenti li l-operat tagħhom jiddependi fuq informazzjoni eżatta dwar it-temp.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku, permezz tas-sħubija tiegħu fin-netwerk EUMETNET, jikkondividi dejta relatata mat-temp ma’ fornituri nazzjonali ta’ servizzi meteoroloġiċi u idroloġiċi oħrajn, b’din il-kooperazzjoni tkun fundamentali għat-tħejjija u r-rispons għal avvenimenti tat-temp madwar l-Ewropa. Wieħed mill-aktar proġetti li rnexxew tan-netwerk EUNETMET huwa Meteoalarm, li huwa s-sit elettroniku li jipprovdi informazzjoni u twissijiet fir-rigward tat-temp fl-Ewropa. Sforz kollaborattiv li sar aktar reċentement, f’Settembru 2021, huwa l-proġett tal-iskambju tad-dejta dwar il-maltempati u t-tismija ta’ dawn il-maltempati, bl-għan li informazzjoni dwar it-tali avvenimenti tat-temp tiġi kkomunikata lill-pubbliku b’mod ċar u ssimplifikat.

Ekonomija

Sport