Wednesday, November 13, 2024

Fl-2022 il-wasliet ta’ turisti f’pajjiżna laħqu 83% tal-livelli li kellna fl-aħħar sena ta’ qabel il-pandemija

Aqra wkoll

Il-wasliet ta’ turisti fl-2022 kienu ta’ 83% tal-livelli li kellna fl-aħħar sena ta’ qabel il-pandemija filwaqt li t-tul medju ta’ ljieli kien marġinalment ogħla minn dak irreġistrat fl-2019. Sussegwentament, in-nefqa medja ta’ kuljum għat-turisti kienet ta’ €121.86, li hija 9.4% ogħla mil-livell ta’ nfiq reġistrat fl-2019, l-istess sena li Malta rreġistrat rekord fit-turiżmu.

Dawn iċ-ċifri nħarġu waqt preżentazzjoni li għamlet il-kumpanija Deloitte waqt attività tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandiera u r-Restoranti li trattat ir-riżultat turistiċi miksuba fl-aħħar kwart tas-sena preċedenti.

Waqt din l-attività, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li dawn iċ-ċifri huma inkoraġġanti u juru li l-industrija tat-turiżmu kellha rkupru b’saħħtu ħafna mill-effetti tal-pandemija. “Irridu nsostnu dawn l-isforzi u rridu naħdmu aktar, prinċipalment biex niżguraw riżultati aħjar. Għalhekk, se nkomplu ntejbu l-konnettività bl-ajru, ser inkabbru l-isforzi ta’ reklamar tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fis-swieq primarji u sekondarji, u nsaħħu l-investiment pubbliku fir-riġenerazzjoni taż-żoni turistiċi,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo.

Huwa żied jgħid li s-sena li għaddiet kienet kruċjali għall-industrija tat-turiżmu biex jaraw x’irkupru kien se jkollhom wara l-pandemija fil-kuntest li sa sena ilu kienu għadhom bir-restrizzjonijiet.

Il-Ministru Bartolo temm billi qal li t-triq ’il quddiem se tpoġġi enfasi aktar qawwija fuq is-sostenibbiltà, il-kwalità u l-awtentiċità tal-Gżejjer Maltin bħala destinazzjoni li tipprovdi esperjenza ħolistika lil kull viżitatur li jiġi fostna fis-snin li ġejjin.

Ekonomija

Sport