Għalkemm ma tantx għadha tissemma, b’danakollu matul ix-xhur tas-sena li għaddiet instab li kien hemm 103 persuni li ġew iċċertifikati li kellhom il-marda tal-HIV. Minnhom kien hemm 93 raġel u 10 nisa.
Fl-istess waqt, id-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard jikkollabora ma’ bosta organizzazzjonijiet komunitarji. Minbarra hekk, teżisti wkoll kollaborazzjoni attiva ma’ applikazzjoni ta’ dating online popolari.
Billi f’Settembru se tiġi organizzata l-EuroPride, saru diversi laqgħat mill-organizzaturi ta’ din il-parata biex jiġu pjanati attivitajiet ta’ sensibilazzjoni. Se jitqassmu wkoll materjali informattivi bħal powsters, flyers u kontraċettivi.
Din il-kampanja se tkompli fix-xhur ta’ wara l-EuroPride, b’kampanja tal-midja soċjali li tinkludi l-prevenzjoni ta’ mard li jinxtered sesswalment, HIV, inklużitività u kunsens, u ttestjar u servizzi disponibbli.
Membri li jinsabu ġeografikament f’Malta se jirċievu messaġġi pop-up ta’ għarfien dwar is-saħħa sesswali. Il-frekwenza tal-messaġġi se tkun qed tiżdied matul il-perjodu tal-EuroPride.
Tagħrif dwar il-pjani mħejjija għall-prevenzjoni tal-mard biex tingħata aktar għarfien is-saħħa sesswali, ingħata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Attard Previ li staqsiet dwar xi pjani hemm maħsuba għas-sajf marbuta mas-saħħa sesswali u faċilitajiet ta’ ttestjar ta’ HIV u mard ieħor relatat.
Dan fil-kuntest li se jkun hemm numru ta’ avvenimenti b’folol kbar li qed jiġu organizzati f’Malta fix-xhur li ġejjin.