Fl-2024, 3,798 persuna li kienu qegħdin iġarrbu l-vjolenza domestika għamlu użu mis-servizzi disponibbli fʼdan il-qasam. Minnhom, 76.0 fil-mija kienu nisa.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li meta mqabblin mal-2023, il-persuni li għamlu użu minn dawn is-servizzi żdiedu b’5.7 fil-mija fl-2024.
Il-biċċa l-kbira tagħhom, 57.5 fil-mija, użaw xi servizz minnhom, kien xʼkien, darba biss, 21.4 fil-mija użaw servizz wieħed jew aktar għal darbtejn, u 21.1 fil-mija użaw servizz wieħed jew aktar għal tliet darbiet jew aktar. L-istatistika turi wkoll li 44.9 fil-mija tan-nisa użaw servizz minnhom, kien xʼkien, aktar minn darba, meta mqabblin ma’ 35.0 fil-mija tal-irġiel.
Fl-2024, kienu rreġistrati bʼkollox 6,768 każ mal-entitajiet varji li jagħtu s-servizzi lill-persuni li kienu qegħdin iġarrbu l-vjolenza domestika. Fl-2024, bħas-snin taʼ qabel, is-servizzi ewlenin użati mill-persuni li kienu qegħdin iġarrbu l-vjolenza domestika kienu t-Taqsima tal-Vjolenza Domestika (DVU) fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ (2,987 każ reġistrat) u l-Korp tal-Pulizija, li rċieva 2,379 rapport fis-sena taʼ riferenza.
Fl-2024, 29.3 fil-mija tal-każijiet kollha rreġistrati mas-servizzi varji kienu jinvolvu persuni li kellhom bejn it-30 u d-39 sena, filwaqt li 24.7 fil-mija tal-każijiet kienu jinvolvu persuni taʼ 50 sena u aktar.
Il-biċċa l-kbira, jew 83.4 fil-mija, kienu jinvolvu persuni taʼ nazzjonalità Maltija. Is-servizzi bl-akbar għadd taʼ utenti barranin kienu x-xelters tal-vjolenza domestika bʼ36.7 fil-mija, u s-servizzi tas-saħħa tal-emerġenza bi 30.3 fil-mija.

