Thursday, January 16, 2025

Fl-2024: 8.96 miljun passiġġier jgħaddu mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kiseb riżultati storiċi fl-2024, hekk kif il-kumpanija laqgħet mat-8.96 miljun passiġġier sal-aħħar tas-sena. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret iktar kmieni llum fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn il-Kap Eżekuttiv Alan Borg ippreżenta r-riżultati miksuba mill-kumpanija tul is-sena 2024, li juri żieda ta’ 14.8% fuq is-sena ta’ qabel.

Filwaqt li Awwissu ra l-ogħla rata ta’ traffiku b’983,182 moviment tal-passiġġieri, Marzu rreġistra l-aktar rata ta’ tkabbir b’saħħitha. In-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw f’Marzu żdied bi 30% fuq is-sena ta’ qabel biex b’hekk il-movimenti tal-passiġġieri għal dan ix-xahar qabżu s-600,000 għall-ewwel darba. Barra minn hekk, matul ix-xhur tax-xitwa ġiet innutata żieda ta’ 21% fil-movimenti tal-passiġġieri li kienet sinifikattivament ogħla mit-tkabbir li ġie rreġistrat fis-sajf (+12%). Indikatur ieħor ta’ sena tajba għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien is-seat load factor (SLF) li, fil-livell ta’ 86%, kien l-ogħla SLF annwali li qatt intlaħaq.  

“It-tkabbir robust li rajna s-sena li għaddiet poġġiena fuq quddiem nett fost grupp ta’ ajruporti fin-Nofsinhar tal-Ewropa – indikazzjoni li Malta kienet destinazzjoni popolari. It-tbassir pożittiv għall-ewwel kwart tal-2025, flimkien ma’ skeda tas-sajf li mistennija tgħaqqadna ma’ 109 destinazzjoni, jpoġġuna f’pożizzjoni biex nirreġistraw iżjed tkabbir matul din is-sena. Flimkien mal-imsieħba tagħna fis-settur tat-turiżmu, nibqgħu determinati li nindirizzaw l-istaġjonalità billi nkomplu nippromwovu l-potenzjal tal-prodott turistiku Malti anke fix-xhur tax-xitwa,” qal is-Sur Borg, filwaqt li rrringrazzja lit-tim tal-ajruport u lill-imsieħba kollha għal sena eċċezzjonali.

Huwa u jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef awgura lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għar-riżultati rekord li kiseb fl-2024, waqt li saħaq li dawn ir-riżultati jirriflettu l-kollaborazzjoni b’saħħitha bejn l-MTA u l-MIA biex tissaħħaħ il-konnettività għal Malta, filwaqt li jkun hemm kapaċità adegwata għad-domanda qawwija minn varjetà wiesgħa ta’ swieq madwar id-dinja.

Dawn ir-riżultati eċċellenti huma riflessi wkoll fir-rekord ta’ turisti li qed iżuru l-Gżejjer Maltin. Is-Sur Micallef tkellem ukoll dwar in-numru ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet fi żminijiet mhux normalment daqshekk impenjattivi, il-frekwenza tat-titjiriet u ż-żieda fil-wasla tat-turisti, waqt li saħaq li dawn il-fatturi flimkien ikomplu jikkontribwixxu biex tonqos l-istaġjonalità tal-industrija tat-turiżmu Maltija.

 Waqt il-konferenza tal-lum intqal kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mistenni jilqa’ 9.3 miljun passiġġier fl-2025. Aġġornament dwar il-proġetti ewlenin tal-Kumpanija wera kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, b’investiment ippjanat ta’ €70 miljun fl-2025, se jkompli jsaħħaħ l-infrastruttura tiegħu biex ikun jiflaħ għat-tkabbir fit-traffiku tal-passiġġieri, filwaqt li jżomm l-aqwa livell ta’ servizz li tul is-snin kien irrikonoxxut għalih.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport