Matul is-sena li għaddiet f’pajjiżna twieldu 4,321 tarbija lil ġenituri li kienu residenti f’Malta u Għawdex. Hekk qal il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana fil-Parlament waqt li kien qiegħed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jermone Caruana Cilia.
L-istess deputat staqsa lill-Ministru dwar l-imwiet li seħħew f’pajjiżna. Min-naħa tiegħu l-Ministru Caruana qal li “figuri proviżorji juru li fl-2024 kien hemm total ta’ 4,181-il mewt ta’ resident f’Malta. Minn dawn, 3,943 kienu Maltin u 238 kienu barranin.
L-informazzjoni tkopri l-imwiet kollha ta’ persuni li huma residenti ta’ Malta u t’Għawdex, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom. Dan jinkludi imwiet li seħħew fit-territorju ta’ Malta u Għawdex, kif ukoll imwiet ta’ residenti ta’ Malta u Għawdex li seħħew barra minn Malta.”
Intant, fl-istess seduta Parlamentari, id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo staqsa lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela dwar kemm-il ċittadin Malti u kemm-il ċittadin barrani li mietu matul l-2023 u l-2024, indifnu fl-oqbra tal-Gvern.
Għal din il-mistoqsija l-Ministru Abela qal li jinsab infurmat li matul l-2023 kien hemm 661 persuna li ndifnu fl-oqbra komuni tal-Gvern. Minn dawn 563 twieldu Malta, filwaqt li 98 twieldu barra minn Malta.
“Infurmat ukoll li matul l-2024, kien hemm 558 persuna mwielda Malta u 109 mwielda barra minn Malta li ndifnu fl-oqbra komuni,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.