Ġie ppreżentat ir-Rapport Annwali tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u d-Drittijiet tal-Konsumatur (MCCAA), rapport li fih ġiet elenkata l-ħidma tal-Awtorità tul is-sena li għaddiet.
Dan ġie ppreżentat waqt konferenza għall-ħaddiema tal-MCCAA, miċ-Chairperson Eżekuttiv tal-istess Awtorità, Carmen Ciantar fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Meta kien qed jindirizza il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul tkellem dwar l-evoluzzjoni tas-swieq Maltin u anke barranin, u għalhekk il-bżonn li l-MCCAA tkompli tevolvi bħala Awtorità sabiex tindirizza dawn l-isfidi u għalhekk tkompli tipproteġi l-konsumatur bl-aqwa mod possibbli.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li ċ-ċifri ppubblikati fir-rapport annwali jitkellmu waħidhom dwar ix-xogħol li wettqu l-ħaddiema tal-Awtorità tul is-sena 2024. Spjega li l-ħaddiema wettqu aktar minn 38,000 spezzjoni madwar Malta u Għawdex, qdew mal-10,000 konsumatur li resaq għand l-MCCAA, u solvew 463 ilment relatat ma’ dewmien jew ikkanċellar ta’ titjiriet tal-ajru. F’dan ir-rigward l-Awtorità rnexxielha tirkupra lill-konsumatur aktar minn €135,000. Apparti minn hekk, ġew proċessati aktar minn 800 ilment dwar prodotti mixtrija minn barra ’l pajjiż permezz taċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur f’Malta. “Lil hinn minn dawn in-numri, dan kollu qed iħalli impatt tanġibbli u reali għall-familji Maltin,” sostna Dr Ellul.
Dr Ellul elenka wkoll il-ħidma b’mod ħolistiku tal-MCCAA sabiex tkompli tiġġedded u ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur. Tkellem dwar iż-żieda fit-threshold biex wieħed jiftaħ claim quddiem it-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur, filwaqt li ngħatat aktar importanza l-medjazzjoni. Dan filwaqt li l-Awtorità rnexxielha wkoll tqarreb lejn in-nies il-mekkaniżmi ta’ rimedji offruti, filwaqt li tnaqqas il-ħin ta’ stennija bejn meta konsumatur jiftaħ ilment, sakemm jasal għal rimedju.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul sostna li dawn il-miżuri apparti li saħħew id-drittijiet tal-konsumatur, wasslu għal fiduċja aqwa mill-pubbliku f’din l-istess Awtorità. Żied jgħid li l-MCCAA kienet ukoll attiva fuq livell Ewropew, fejn ikkontribwiet b’mod konkret f’diskussjonijiet dwar liġijiet Ewropej ġodda dwar id-drittijiet tal-passiġġiera.
Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson Eżekuttiv Carmen Ciantar irringrazzjat lill-ħaddiema tal-MCCAA tal-impenn, il-professjonalità, u l-integrità tagħhom, u ddeskriviethom bħala l-pedament tal-ħidma tal-Awtorità. Hija qalet li r-Rapport Annwali mhux biss jirrifletti l-ħidma wiesgħa tal-Awtorità matul is-sena li għaddiet, iżda wkoll il-konsistenza fil-viżjoni tal-Awtorità biex jinħoloq ambjent aktar ġust u sikur. Temmet tgħid li tħares ’il quddiem favur aktar ħidma għall-ġid tal-konsumatur u s-soċjetà Maltija.