Thursday, February 26, 2026

Fl-2025 aktar minn 40,000 persuna ingħataw servizz mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impieg

Aqra wkoll

Fl-2025 id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impieg (DIER) offra s-servizzi tiegħu lil 40,000 persuna. Dan filwaqt li wettaq ukoll aktar minn 1,000 investigazzjoni li wasslet biex ġew irkuprati aktar minn miljun u erba’ mitt elf ewro f’pagi u ħlasijiet li imgħad għaddew għand il-ħaddiema. 

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ġie mniedi r-Rapport Annwali tad-DIER. 

Dr Ellul fakkar illi d-Dipartiment kellu rwol kruċjali u ċentrali f’diversi riformi li saħħew id-drittijiet tal-ħaddiema. “Fost dawn il-Gvern introduċa miżuri biex tkun aċċertata t-trasparenza fil-pagi, introduċejna leave mħallas f’każ ta’ korriment tat-tqala,  bdejna riforma nazzjonali għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja biex nestendu l-leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri kif ukoll biex nestendu l-kunċett tar-Remote Working.”

Waqt id-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari Ellul spjega wkoll kif mir-rapport annwali tad-DIER jirriżulta li s-sena l-oħra ħarġu 224 liċenzja lil aġenziji tal-impjieg, li flimkien jimpjegaw kważi 20,000 ħaddiem. 

Dwar l-infurzar huwa qal li spezzjonijiet b’saħħithom u titjib fil-qafas regolatorju fisser illi l-abbużi ġew indirizzati u ssaħħaħ id-deterrent kontra min jikser il-liġi. 

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul kompla jgħid li r-Rapport Annwali huwa prova ċara ta’ kemm il-Gvern qed jibni politika fuq il-fatti u mhux fuq il-kliem. 

“L-ambizzjoni tagħna tibqa’ waħda ċara: li nagħmlu differenza konkreta fil-ħajja tan-nies, partikolarment fid-dinja tax-xogħol. Bħala Gvern, nibqgħu impenjati li nsaħħu d-djalogu soċjali u niżguraw li s-suq tax-xogħol ikompli jevolvi b’mod ġust, inklussiv u sostenibbli.”

Dr Andy Ellul temm jgħid li r-riżultati fir-Rapport Annwali huma xhieda tal-ħidma ma taqta’ xejn tad-DIER. 

“Nibqgħu determinati li nkomplu naħdmu id f’id mal-imsieħba soċjali, sabiex inkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema u niżguraw relazzjonijiet industrijali stabbli u b’saħħithom,” temm jgħid Dr Andy Elul.

Intant minn naħa tagħha d-Direttur Ġenerali tad-DIER Diane Vella Muscat spjegat li s-sena 2025 kienet waħda li kompliet tikkaratterizza ruħha minn bidliet kontinwi u sfidi ġodda fid-dinja tax-xogħol. Qalet li matul din is-sena, id-Dipartiment kompla jaqdi r-rwol ewlieni tiegħu fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, billi pprovda servizz ta’ kwalità kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem. 

Is-Sinjura Vella Muscat qalet illi l-funzjonijiet tad-Dipartiment twettqu bl-aktar mod effettiv f’suq tax-xogħol dinamiku, u li meta s-sitwazzjonijiet kienu xi drabi ta’ sfida, id-Dipartiment xorta waħda kompla jwettaq il-funzjonijiet tiegħu. 

Żiedet tgħid li inżammet ukoll l-integrità tas-suq tax-xogħol permezz ta’ qafas regolatorju aġġornat, inklużi miżuri relatati ma’ aġenziji tal-impjieg u ħaddiema temporanji.

Fl-aħħar nett, is-Segretarju Permanenti Carlos Tabone qal li meta mqabbel ma’ snin preċedenti, il-fatti juru li dan id-Dipartiment kompla jimpenja ruħu u għal darb’oħra qabeż l-aspettattivi tiegħu stess, b’enfasi konsistenti fuq il-kwalità, servizz f’waqtu u professjonali li tirrifletti Servizz Pubbliku efettiv mibni fuq il-fiduċja u l-affidabilità. 

Is-Sur Tabone temm jgħid li dan kollu seta’ jsir għaliex id-direzzjoni strateġika ‘l fejn sejrin hija waħda ċara u għaldaqstant il-professjonalità, u l-kontribut tal-persuni fit-tmexxija, flimkien mal-impenn u d-dedikazzjoni tal-ħaddiema fi ħdan l-istess Dipartiment, wasslu lid-Dipartiment jagħti riżultat li jissodisfaw l-ogħla standards tal-amministrazzjoni pubblika. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport