Sunday, February 8, 2026

Fl-2025: Ix-xogħlijiet li saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin kienu varji u ffukati fuq il-konservazzjoni ambjentali

Aqra wkoll

Matul is-sena 2025, ix-xogħlijiet li saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk, kienu varji u ffukati fuq il-konservazzjoni ambjentali, ir-restawr strutturali, u l-modernizzar infrastrutturali. 

Dan iddikjaratu l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli fil-Parlament meta kienet qed twieġeb għal mistoqsija Parlamentari li saret mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici 

Il-Ministru tal-Ambjent irrimarkat li saru xogħlijiet fuq il-ġestjoni ekologika tal-park, fejn tħawwlu diversi siġar u arbuxelli, ittejbet is-sistema tal-irrigazzjoni, qtugħ tal-ħaxix, żbir tas-siġar, restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, tneħħija ta’ pjanti invażivi u tisbiħ ġenerali fiż-żoni tal-pikniks.

Il-Ministru Dalli qalet li flimkien mal-isforzi ambjentali, saru interventi fuq l-assi strutturali tal-park fejn saru titjib u manutenzjoni meħtieġa. L-interventi li saru ġewwa s-sala tal-konferenzi u l-hostel, jinkludu installazzjoni ta’ diversi units tal-arja kundizzjonata, fannijiet ġodda, tibdil ta’ hand dryers, tneħħa l-membrane qadim minn fuq is-saqaf tas-sala tal-konferenzi u tpoġġa ieħor ġdid, tibdil ta’ madum, tikħil u tibjid f’diversi partijiet u kmamar ġewwa l-binjiet. 

Żiedet tgħid; “Jikkumplimenta dan ix-xogħol saru interventi ta’ manutenzjoni fuq il-bordijiet tad-distribuzzjoni ewlenin li jipprovdu provvista tal-elettriku lill-park kollu u għall-proġett tat-tempju ta’ Heritage Malta, kif ukoll manutenzjoni tal-plumbing”. 

Il-Ministru Dalli spjegat li proġetti ta’ konservazzjoni notevoli nkludew ukoll it-tisħiħ strutturali ta’ tank ġdid għall-fkieren u beda x-xogħol fuq is-sistema ta’ filtrazzjoni tal-ilma baħar biex isir rimi tiegħu b’mod sostenibbli u skont il-permessi fis-seħħ.

Tenniet tgħid li dawn ix-xogħlijiet ekoloġiċi u strutturali kienu akkumpanjati minn rondi tas-sigurtà ta’ kuljum u minn programm edukattiv estensiv għall-iskejjel kif ukoll żjarat għall-pubbliku ġenerali

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport