Bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-31 ta’ Diċembru 2025, tneħħew 1,674 persuna ta’ ċittadinanza barranija mill-pajjiż. Qal dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputata Laburista Davina Sammut Hili.
Il-Ministru Camilleri spjega li n-numru ta’ wasliet irregolari lejn pajjiżna naqas b’93% meta mqabbel mal-2019 filwaqt li s-sena l-oħra ġew ritornati l-ekwivalenti ta’ 83% tal-wasliet irregolari. “Dan permezz ta’ strateġiji li ħaddem dan il-Gvern fl-aħħar snin fosthom it-twaqqif ta’ unit ta’ ritorn li tajtha prijorità hekk kif sirt ministru,” huwa żied jgħid.
Ta’ min jinnota li f’Diċembru 2025, ġew ritornati 48 immigrant irregolari lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom wara biss 17-il ġurnata mid-dħul irregolari tagħhom f’Malta.
“Din l-operazzjoni tant kienet effettiva li ġiet imfaħħra mill-Kummissjoni Ewropea bħala eżempju ta’ prattika tajba li tista’ tiġi adottata minn Stati Membri oħra,” qal il-Ministru Camilleri.

