Sunday, November 24, 2024

Fl-aħħar ħames snin, ir-Reġistru tal-Yachts f’Malta jirdoppja l-flotta tiegħu

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg kien f’Monaco fejn ipparteċipa fil-Monaco Yacht Show, l-akbar avveniment fid-dinja tas-superyachts. Waqt din iż-żjara l-ministru kellu numru ta’ laqgħat ma’ diversi aġenti ewlenin fl-industrija fejn ġew diskussi u identifikati oqsma dwar kif din l-industrija, li ġġib f’Malta dħul sostanzjali ekonomiku u kambju barrani, tista’ tiġi żviluppata u kkonsolidata aktar. Taħt il-marka ‘Maritime Malta’, Transport Malta tipprovdi l-aqwa pjattaforma lill-fornituri u lill-intermedjarji tas-servizzi tal-industrija marittima lokali sabiex tippromwovi lil Maritime Malta bħala ċ-ċentru internazzjonali tas-servizzi tal-jottijiet. Dan ikompli jsaħħaħ il-preżenza u r-rikonoxximent ta’ Malta fl-industrija dinjija tas-superyachts bħala l-akbar reġistru tal-vapuri fl-Ewropa u bħala destinazzjoni popolari tal-jottijiet fil-Mediterran.

Il-gvern, permezz tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u tal-entità Transport Malta, qed jieħu numru ta’ inizjattivi biex jappoġġa din l-industrija filwaqt li jkompli jikkonsolida l-pożizzjoni ta’ Malta bħala l-aqwa destinazzjoni u jsaħħaħ il-bandiera Maltija bħala l-ġurisdizzjoni ewlenija tal-jottijiet. Il-Ministru Ian Borg, akkumpanjat minn nies tekniċi mir-Reġistru tal-Bastimenti ta’ Malta, kellu wkoll laqgħat f’Viareggio u f’Genova mal-bennejja ewlenin tas-superyachts.

Matul iż-żjara, il-ministru tenna l-impenn tal-gvern lejn din l-industrija u rringrazzja lill-aġenti ekonomiċi Maltin kollha għall-irwol kruċjali tagħhom li sarraf biex Malta tkun l-iktar ġurisdizzjoni tal-jottijiet b’saħħitha fl-Ewropa.

Dawn l-inizjattivi u l-viżjoni ċara tal-gvern għal din l-industrija rriżultaw f’riżultati pożittivi ħafna li għandhom jinkisbu fir-reġistrazzjoni tas-superyachts taħt il-bandiera ta’ Malta. Ta’ min jinnota li matul l-aħħar ħames snin in-numru ta’ superyachts ta’ ’l fuq minn 24 metru, irdoppja, b’żieda rekord ta’ 10% li ġew irreġistrati matul l-aħħar disa’ xhur.

Il-Ministru Borg ikkummenta li, “Dan l-istatus inkiseb grazzi għall-isforzi tal-istakeholders kollha u l-impenn tad-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili. Kisba bħal din hija xhieda li l-impenn għall-kwalità jiġi ppremjat u li l-Amministrazzjoni tal-Bandiera ta’ Malta rnexxielha fl-istess ħin iżżid kemm ir-rata ta’ tkabbir tagħha kif ukoll ittejjeb il-prestazzjoni teknika tal-flotta reġistrata tagħha. Nieħu din l-opportunità biex nirringrazzja lill-istakeholders kollha għall-kontribuzzjoni u għall-fiduċja tagħhom li wrew fi Transport Malta. Dawn ir-riżultati pożittivi jħeġġuna naħdmu iktar sabiex niżguraw li Maritime Malta tkompli tibbenefika mill-pożizzjonament assoċjat fi ħdan dawn is-setturi internazzjonali, kemm mid-dħul dirett barrani sostanzjali kif ukoll mill-valur miżjud indirett għall-ekonomija tagħha. Dawn ir-riżultati jirrappreżentaw ukoll pass ieħor lejn aktar konsolidazzjoni ta’ Malta bħala ċentru internazzjonali ta’ eċċellenza marittima fil-Mediterran u kontribut sod għall-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità f’Malta”.

Sport