Wara snin twal fejn litteralment nesa u abbanduna lil Wied il-Għajn u lil niesu, illum il-PN fl-aħħar intebaħ li teżisti Marsaskala.
Fi stqarrija maħsuba biss biex l-Oppożizzjoni tagħti l-impressjoni li qed tagħmel xi ħaġa fuq Wied il-Għajn, qed tallega li l-Gvern mhux jagħti każ l-Iskaliżi. Asserzjoni inkredibbli meta tqis li kull m’għamel il-PN f’Marsaskala meta kien fil-Gvern kien l-impjant tar-riċiklaġġ f’Sant’Antnin.
Min-naħa l-oħra, dan il-Gvern qed jinvesti €18-il miljun għal din ir-riġenerazzjoni li ser tinkludi promenade l-ġdid, titjib fis-servizzi tat-trasport u spazji rikreattivi aħjar għall-familji.
Bħala parti mill-viżjoni fit-tul, il-proġett jinkludi wkoll l-introduzzjoni ta’ servizz ta’ ferry bejn Wied il-Għajn u l-Belt Valletta. Il-fast ferry se jkun akkumpanjat minn servizz ta’ trasport ċirkolari fil-lokal biex jiffaċilita l-mobilità u jikkumplimenta l-iskeda tal-ferries.
Saru wkoll xogħlijiet fuq strutturi marittimi, fosthom il-bini mill-ġdid ta’ tliet mollijiet, kif ukoll titjib fil-passaġġi pubbliċi filwaqt li beda wkoll it-tisħiħ tal-kosta fin-naħa ta’ ġewwa biex jipproteġi ż-żona mill-maltemp, u anki jindirizza periklu fil-promenade stess wara li l-pedament tħalla jaqa’ f’degradazzjoni għal għexieren ta’ snin.
Il-Gvern żgur mhux ħa jieħu lezzjonijiet minn min dejjem ġie jaqa’ u jqum minn Marsaskala u l-kwalità ta’ ħajja tal-Iskaliżi. Kien ikun ferm aħjar kieku flok qed ixewxu bil-gideb ma’ kull opportunità li jkollhom, anki fil-Kunsill Lokali, jikkollaboraw għall-veru ġid ta’ Wied il-Għajn.
Dan il-Gvern, permezz tal-Ministru Chris Bonett u Infrastructure Malta ser jibqa’ jserraħ ras l-Iskaliżi billi qed jara li din ir-riġinerazzjoni ssir u mhux tibqa’ ħafna kliem fl-arja. Tant li dalwaqt ser jibdew igawdu l-frott tagħha fix-xhur li ġejjin.



