Friday, February 27, 2026

Fl-aħħar kwart tal-2025 il-GDP laħaq €6.3 biljun

Ċifri proviżorji juru żieda ta’ aktar minn €440 miljun fuq is-sena ta’ qabel

Aqra wkoll

F’kuntest internazzjonali li għadu mmarkat minn inċertezzi ġeopolitiċi, prezzijiet tal-enerġija instabbli u tkabbir irregolari fost ekonomiji ewlenin Ewropej, l-ekonomija Maltija għal darb’oħra qiegħda turi saħħa u stabbiltà. Dan ħareġ b’mod konkret miċ-ċifri proviżorji tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatitika (NSO) tar-raba’ kwart tal-2025 fejn il-Prodott Domestiku Gross (GDP) laħaq €6.3 biljun. Din hija żieda sostanzjali ta’ €442.2 miljun, jew 7.6%, meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2024.

Aktar sinifikanti minnhekk huwa t-tkabbir reali ta’ 6.4% f’termini ta’ volum, li jfisser li l-espansjoni ma kinitx biss riżultat ta’ pressjonijiet fuq il-prezzijiet, iżda riflessjoni ta’ aktar produzzjoni, aktar servizzi u aktar attività ekonomika.

Bilanċ bejn tkabbir u stabbiltà fil-prezzijiet

Fattur kruċjali li jagħti kredibilità lil dawn ir-riżultati huwa l-andament tal-GDP deflator, li skont l-istess statistika, żdied b’1.1% biss meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel. Dan jindika li waqt li l-ekonomija kibret b’pass mgħaġġel, il-pressjonijiet mill-inflazzjoni baqgħu moderati. F’ambjent fejn ħafna pajjiżi għadhom jiffaċċjaw sfidi kbar kawża ta’ inflazzjoni persistenti, dan l-iżvilupp lokali juri bilanċ bejn tkabbir u stabbiltà fil-prezzijiet.

L-istess statistika turi li l-kontribut ewlieni għat-tkabbir kien is-settur tas-servizzi li żied 4.2 punti perċentwali mat-tkabbir annwali tal-GDP. Dan ir-riżultat mhuwiex sorpriża hekk kif l-ekonomija tagħna ilha snin tistrieħ fuq servizzi b’valur miżjud għoli – mill-kummerċ u l-loġistika sal-informazzjoni u komunikazzjoni, servizzi finanzjarji u attivitajiet professjonali.

Domanda interna u esterna jaħdmu flimkien

Mill-perspettiva tal-infiq, it-tkabbir kien imsaħħaħ kemm mid-domanda domestika kif ukoll minn dik esterna, it-tnejn li huma kkontribwew 3.2 punti perċentwali għat-tkabbir annwali.

Il-konsum finali żdied b’4.0% f’termini reali. L-infiq tal-familji kompla jikber, filwaqt li l-infiq tal-gvern irreġistra żieda aktar qawwija. Dan jindika suq tax-xogħol b’saħħtu u fiduċja konsistenti min-naħa tal-konsumaturi. L-investiment imkejjel permezz tal-formazzjoni grossa tal-kapital fiss, żdied ukoll b’ 0.7%.

Fuq livell estern, l-esportazzjonijiet kibru b’6.1%, aktar mill-importazzjonijiet li żdiedu b’3.9%. Dan ifisser li l-kummerċ internazzjonali kellu impatt nett pożittiv fuq it-tkabbir, fattur essenzjali għal ekonomija miftuħa bħal Malta.

Tkabbir mifrux fid-dħul

L-approċċ tad-dħul juri stampa bilanċjata tat-tqassim tal-ġid iġġenerat. Iż-żieda fil-GDP kienet mifruxa bejn kumpens ogħla lill-impjegati, surplus operattiv akbar għall-intrapriżi u żieda fid-dħul mit-taxxi. Dan jindika li t-tkabbir ma kienx ikkonċentrat f’qasam wieħed biss, iżda mifrux bejn il-ħaddiema, is-settur privat u l-finanzi pubbliċi.

F’dan il-kuntest, il-Gross National Income (GNI) laħaq €5.7 biljun fir-raba’ kwart tal-2025, filwaqt li l-GDP per capita tela’ għal €10,720 u l-GNI per capita għal €9,660. Dawn iċ-ċifri juru titjib konkret fil-livell medju ta’ ġid għal kull resident.

Pedamenti sodi għall-futur

Ir-riżultati tal-aħħar kwart tal-2025 ippubblikati mill-NSO huma parti minn xejra ta’ espansjoni sostnuta tul is-sena. B’rata ta’ tkabbir reali ta’ 6.4%, inflazzjoni mrażżna u bilanċ bejn domanda interna u esterna, l-ekonomija Maltija qiegħda turi reżiljenza u adattabilità.

L-isfidi minn kompetizzjoni internazzjonali aktar qawwija, pressjonijiet demografiċi u ambjentali ma jonqsux iżda, l-indikaturi attwali juru li l-ekonomija tagħna mhux biss qiegħda tikber iżda qiegħda tikber b’mod strutturat u bilanċjat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport