Saturday, December 21, 2024

“Fl-aħħar survey il-Partit Laburista ma żied ebda vot”

Bernard Grech dwar d-differenza bejn iż-żewġ partiti politiċi ewlenin ftit xhur qabel l-elezzjoni

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, b’referenza għall-aħħar survey li sar dwar id-differenza tal-elettorat bejn iż-żewġ partiti, qal li grazzi għall-fatt li l-poplu sema’ d-diskors ta’ wara l-budget tiegħu fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista wassal il-messaġġ ċar u l-Partit Laburista ma żied ebdda vot.

“Il-Gvern għamel budget u nefaq nofs miljun ewro biex jirreklamah imma xorta waħda l-Partit Laburista ma żied ebda vot. Id-differenza llum qiegħda tidher u għandna messaġġ b’saħħtu. Il-poplu sema’ d-diskors tiegħi ta’ wara l-budget mingħajr ma kien ikkontrollat mill-Gvern u rnexxielna ninnewtralizzaw dak kollu li kienu qegħdin jgħidu huma,” beda jispjega Grech.

Il-Kap tal-PN qal li l-proposti tal-partit immexxi minnu jagħmlu d-distinzjoni minn mal-Partit Laburista fejn saħaq li l-PN huwa magna ta’ proposti, wegħdi u ideat li juru li għandu politika ta’ sustanza u viżjoni.

Bernard Grech f’din l-intervista qal li, “is-survey tal-lum juri titjib żgħir għalina għax kellna l-opportunità, permezz tax-xandir pubbliku u l-ġurnalisti, li naslu għand in-nies. Jafu li jekk aħna jkollna l-opportunità li nwasslu l-messaġġ b’saħħtu tagħna, se nkunu qegħdin niġbdu aktar nies lejna”.

Huwa nsista li wasal iż-żmien li kulħadd jgħid ‘issa daqshekk’ b’referenza fost l-oħrajn għall-korruzzjoni u l-finanzjament tal-isptarijiet. “Il-PN ħa passi legali biex jipproteġi l-flus tal-Maltin u l-Għawdxin u lis-settur mediku. Il-ġimgħa l-oħra ppreżentajna protest ġudizzjarju fil-Qorti biex nibagħtu messaġġ ċar li issa daqshekk,” kompla Grech. Huwa qal li l-kunratt mal-Vitalis ġew ikkonfermati kemm mill-Awditur Ġenerali u riċentement minn Stewart Healtcare li huwa wieħed frodulenti u l-protest ġudizzjarju mill-PN huwa twissija ċara lill-membri tal-PL. 

Fl-intervent tiegħu l-Kap tal-PN reġa’ wiegħed li ladarba fi Gvern se jħallas lura “l-flus kollha misruqa fuq il-kontijiet ta-dawl” li jingħad li huma ta’ aktar minn €50 miljun ewro. Huwa fakkar kif kien il-Partit Nazzjonalista li daħħal l-ismart metres u li f’rapport mill-Awditur Ġenerali “juru kemm kienu ta’ suċċess għax kien hemm kontijiet ġusti u aktar iffrankar għall-poplu Malti”. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-partit tiegħu huwa l-aħħar bastjun għall-ġustizzja f’pajjiżna u jrid li l-flus misruqa fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, isibu minn fejn jagħtuhom lura. “Se nsibu minn fejn se nagħtuhom lura għax se nkunu bil-għaqal. Iva, gvern Nazzjonalista se jkun qiegħed jagħti lura l-flus kollha li nsterqu lill-poplu fejn hemm minn €2 għal €600 fuq kull kont. Mhux ta’ b’xejn hawn nies li ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja,” aċċenna Bernard Grech.

Huwa temm b’messaġġ miftuħ biex kull min jisma’ l-messaġġ tiegħu għandu l-obbligu li jmexxih għax “il-messsaġġ tal-PN huwa tajjeb. Aħna fuq in-naħa tas-sewwa. Il-mediċina li għandu bżonn il-pajjiż illum. Nixtiequ li lkoll ikollna pajjiż normali. Dan huwa l-pajjiż li nixtiequ u li jixraqlek”.

Ekonomija

Sport