Raġel fl-Amerka apparentament neħħa ħajtu b’idejh wara li rrealizza li nesa lil ibnu ta’ sena u nofs fil-karozza u miet b’kawża ta’ sħana kbira.
Il-missier, li l-identità tiegħu għadha mhix magħrufa, allegatament it-Tlieta li għadda ħalla lil ibnu fil-karozza mill-inqas għal tliet sigħat sħaħ.
Minn spekulazzjonijiet tal-Pulizija huwa maħsub li l-missier, li mar għax-xogħol kmieni filgħodu, nesa jwassal lil ibnu d-daycare centre. Dakinhar li seħħ il-każ, it-temperatura f’Chesterfield, f’Virginia, laħqet it-80*F.
Uffiċjal tal-Pulizija spjega li meta l-missier intebaħ li ibnu ma marx id-daycare centre, huwa rrealizza li ċ-ċkejken kien għadu fil-karozza tiegħu. Għall-ħabta ta’ nofsinhar, xi membri familjari tar-raġel ċemplu lill-Pulizija biex jgħarrfuhom li r-raġel kien qed jikkontempla li jagħmel suwiċidju.
Malli l-pulizija waslu fuq il-post indikat mill-familjari tar-raġel — f’foresta qrib id-dar tiegħu — huma sabu raġel bla ħajja. Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li l-vittma qatel lilu nnifsu b’pistola.
Il-Pulizija Amerikana tieħu din l-okkażjoni sabiex tappella għal iktar kawtela min-naħa tal-pubbliku u li wieħed jirrealizza l-importanza li jiċċekkja l-vettura sew.
Dan il-każ ta’ persuna ċkejkna li tħalliet fil-karozza għas-sħana huwa s-seba’ wieħed li seħħ fl-Amerka din is-sena. Jumejn qabel kien għadu kemm jitlef ħajtu tifel ta’ tliet snin f’Georgia wara li allegatament nanntu nesietu fuq is-seat ta’ wara tal-SUV.