Matul il-jum tas-Sibt li għadda, l-Arabja Sawdita esegwixxiet il-piena tal-mewt fil-konfront ta’ 81 raġel – ammont ikbar minn dak li seħħ matul is-sena li għaddiet kollha.
Il-grupp – li kienu jinkludu seba’ ċittadini tal-Jemen u Sirajan – kienu akkużati “b’delitti atroċi”, fosthom anke b’terroriżmu. Uħud minn dawn il-persuni kienu akkużati li jappartjenu għall-militanti tal-Istat Iżlamiku, al-Qaeda jew ir-ribelli Houthi tal-Jemen.
Kienu bosta dawk l-organizzazzjonijiet favur id-drittijiet umani li tkellmu dwar dak li seħħ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fejn dawn allegaw li ħafna ma jirċevux ġuri ġust ġewwa l-Arabja Sawdita, allegazzjoni li l-gvern Sawdi ċaħad.
Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet SPA, dan il-grupp ta’ 81 persuna dehru quddiem 13-il imħallef u għaddew minn tliet stadji ta’ proċess ġudizzjarju.