Saturday, December 21, 2024

Fl-Awstralja: Ħalliet lil binha ta’ 14-il xahar f’karozza sħuna għal 5 sigħat biex tilgħab it-tombla

Aqra wkoll

Omm fl-Awstralja ġiet kkundannata tliet snin ħabs, b’minimu ta’ 12-il xahar qabel ma tkun tista’ tapplika għall-parole, wara li ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha.

Kaija Millar ta’ 34 sena ħalliet lil binha Easton ta’ 14-il xahar fil-karozza sħuna għal kważi ħames sigħat waqt li marret tilgħab it-tombla u fuq l-islot machines ġewwa lukanda.

Meta rritornat lura lejn il-karozza, hija sabet liċ-ċkejken bir-ragħwa f’ħalqu. Hija nstabet ħatja ta’ negliġenza li biha kkawżat effetti gravi wara li pparkjat il-karozza barra l-lukanda li tinsab Melbourne fl-Awstralja meta t-temperaturi kienu diġà laħqu l-31C.

Skont dak li ġie rrappurtat minn midja Ingliża, meta ċ-ċkejken kien jinsab fil-karozza waħdu t-temperaturi saħansitra laħqu 37.5C.

Il-każ instema’ f’Qorti Awstraljana fejn intqal li meta Millar reġgħet lura fil-karozza għall-ħabta tat-3.00p.m., it-tifel mhux biss kellu r-ragħwa f’ħalqu iżda ma kienx qed jirrispondi.

Skont ‘9News’, minkejja li Easton baqa’ ħaj wara din l-esperjenza kerha, huwa sofra diżabilitajiet serji li jaffettwaw kull aspett ta’ kif jgħix.

L-Imħallef Felicity Hampel qalet li dawn id-diżabilitajiet kienu konsegwenza diretta tal-azzjonijiet ta’ Millar. Qalet li omm raġonevoli kienet tirrealizza l-imġieba tagħha u li ħolqot riskju għoli ta’ mewt jew korriment tassew gravi.

Id-difiża qalet li Millar kienet sabitha diffiċli bħala omm għall-ewwel darba u li esperjenzat dipressjoni wara t-twelid, b’rapporti jgħidu li hija kellha funzjoni intellettwali baxxa.

Madankollu, l-Imħallef Hampel qalet li Millar kienet taf li l-azzjonijiet tagħha kienu inaċċettabbli hekk kif kompliet tigdeb lil dawk li marru biex jgħinu hekk kif fost l-oħrajn Millar qalet li binha kien ilu biss sagħtejn fil-karozza, bit-twieqi mniżżla u l-arja kundizzjonata mixgħula.

L-Imħallef Hampel qalet li sentenza l-ħabs kienet l-unika għażla biex tikkastiga lil Millar.

Ekonomija

Sport