Il-MATS tinnota rapporti riċenti li dehru fil-midja b’referenza għal ajruplani militari Iżraeliti fiż-żona tal-ajru Maltija b’mod irregolari. Iċċarat li fl-ebda ħin ma kien hemm ksur tas-sovranità tat-territorju Malti bi dħul ta’ ajruplani fl-ispazju tal-ajru Malti.
Fir-rigward ġibdet l-attenzjoni li hemm distinzjoni bejn l-FIR (Flight Information Region) u l-ispazju tal-ajru sovran. Spjegat li, “l-FIRs huma stabbiliti għal skopijiet ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru u mhumiex ekwivalenti għall-ispazju tal-ajru sovran ta’ pajjiż. Huwa normali u kompletament legali li ajruplani militari, anke ta’ pajjiżi oħra, jgħaddu minn FIR mingħajr ma jfittxu awtorizzazzjoni minn qabel. Din hija distinzjoni legali fundamentali li m’għandhiex tiġi injorata. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa importanti li tiġi evitata spekulazzjoni żejda filwaqt li nitolbu biex wieħed jivverifika l-fatti qabel jiġi allarmat il-poplu bla bżonn”.
Il-MATS qalet li se tkompli għaddejja bil-proċeduri stabbiliti ta’ sorveljar fl-intier tagħhom biex tiġi żgurata u protetta s-sigurtà territorjali ta’ pajjiżna.