Friday, December 13, 2024

Fl-Eġittu: Studenta tinqatel għax irrifjutat proposta taż-żwieġ

Aqra wkoll

Studenta nqatlet b’daqqiet ta’ sikkina barra l-kampus tal-università fejn kienet tattendi talli allegatament irrifjutat proposta ta’ żwieġ. Naira Ashraf kienet attakkata minn raġel hekk kif niżlet minn xarabank barra l-Università ta’ Mansoura fiċ-ċentru tal-Eġittu ftit tal-jiem ilu filgħodu.

L-attakk seħħ quddiem in-nies li mminnufih ippruvaw jifirdu lir-raġel mit-tfajla studenta. Dan id-delitt inġibed ukoll minn kameras tas-sigurtà.

Naira Ashraf ġiet iddikjarata mejta fuq il-post kaġun ta’ diversi ġrieħi serji li ġarrbet f’għonqa, irrapportat il-midja lokali.

Dan l-omiċidju ħasad lill-pajjiż kollu tant li immaġini u filmati tal-attakk malajr bdew jiġu ċċirkolati onlajn.

Wara dan id-delitt, il-pulizija nediet investigazzjoni u arrestat student ieħor fl-università.

Is-suspettat, Mohamed Adel mill-Egpytian Independent huwa mifhum li huwa student tat-tielet sena fl-istess skola ta’ Naira.

Fi stqarrija, il-pulizija qalet li l-investigaturi tkellmu ma’ 20 xhud, inkluża l-familja ta’ Naira li allegatament qalu lill-uffiċjali li kienet suġġetta għal ‘fastidju kostanti’ minn raġel wara t-tkissir tar-relazzjoni tagħhom u ċ-ċaħda tagħha tal-proposta taż-żwieġ tiegħu.

Huwa mifhum li xahrejn ilu rrappurtaw il-kwistjoni u t-tħassib tagħhom lill-pulizija.

L-awtoritajiet Eġizzjani ġew ikkritikati b’mod konsistenti minn gruppi tad-drittijiet tal-bniedem għan-nuqqas tagħhom li jipproteġu lin-nisa u l-bniet.

Fl-aħħar rapport tagħha dwar il-pajjiż, Amnesty International qalet li l-awtoritajiet Eġizzjani kienu qed jonqsu ‘li jipprevjenu u jinvestigaw vjolenza mifruxa fuq in-nisa u l-bniet’.

Ekonomija

Sport