Friday, January 31, 2025

Fl-etá ta’ 29 sena, inħossni li għamilt pass kbir lejn karriera ta’ suċċess – Nicolai Caruana (kowċ ta’ Dingli S.)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn età żgħira dejjem kont insegwi din il-logħba kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment. Filfatt il-ġenituri tiegħi jgħidu li kont iffissat fuq il-ballun u ftit li xejn kont nagħti kas ġugarelli oħra. Kien hawn li ommi u missieri ħajruni sabiex ningħaqad man-nursery tar-Rabat Ajax, il-lokalità li jiena twelidt u ngħix fiha. Minn hemmhekk qatt ma ħarist lura iżda l-imħabba kompliet tikber tant li tal-età ta’ 16 bdejt nieħu t-taħrig sabiex nibda nikkowċja fin-nurseries lokali filwaqt li bqajt attiv bħala plejer ma’ diversi klabbs. Ta’ 25 iddeċidejt li nkompli niffokka fuq l-irwol ta’ kowc filfatt ħadt diversi taħriġ lokalment u bqajt attiv man-nursery tar-Rabat Ajax, Ħad Dingli u ma’ SportsMalta. Is-sena l-oħra ksibt il-liċenzja B u kien hemm diversi klabbss li urew l-interess fijja iżda għazilt li nkompli l-avventura tiegħi mall-klabb ta’ Dingli Swallows.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ ta’ Dingli Swallows FC.

It-tim ta’ Dingli Swallows kienu wieħed mit-tim li urew il-fiduċja tagħhom fijja sa mill-bidu nett u ma jiddispjaċini xejn li għażilt lil dan il-klabb. Il-klabb li minkejja li ghadni rilettivamentżagħżugħ urini li jemmen fil-kapaċitajiet tiegħi. Ta’ dan nibqa’ grat lejn it-tim ħabrieki li jmexxi lil dan il-klabb. Mat-tim ta’ Dingli nieħu hsieb l-iskwadra ewlenija kif ukoll nassisti fit-tim tal-Minors fejn bħalissa anki hawn ninsabu f’pożizzjoni tajba għal promozzjoni.  

X’inhuma l-objettivi tagħkom għal dan l-istaġun?

L-objettivi tagħna huma xi ftit jew wisq modesti. Fil-bidu tal-istaġun konna konxji li t-triq mhux se tkun waħda faċli iżda b’sodisfazzjon kbir ngħid li bħalissa ninsabu niġġieldu sabiex niksbu post fil-playoffs li se jkunu ghat-timijiet li se jiġu fl-ewwel erba’ postijiet tal-klassifika. Konxji mill-fatt li t-tim tagħna huwa żagħżugħ, inħoss li għal dan l-istaġun diġà ksibna riżultat tajjeb ħafna.  Nemmen ħafna fil-potenzjal tal-iskwadra tiegħi u kburi ħafna bihom li waslu s’hawn iżda flimkien nemmen li nistgħu naslu ħafna iktar.

X’tikkumenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Minkejja li baqa’ ħafna xi jsir, nemmen li kien hemm progress kbir f’din il-logħba. Minħabba li jiena nsegwi mill-qrib il-futbol lokalment, għandi x-xorti ngħid li rajt ħafna affarijiet jimxu ’l quddiem. F’kull diviżjoni hemm kompetizzjoni kbira u qatt ma tista tieħu lill-ebda tim forgranted. Nemmen li jekk inkomplu nħarsu ’l quddiem b’aktar progress u inizjattivi ġodda, ċert li ser inkomplu ntejbu l-futbol drastikament.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futur ħadd ma jafu biss żgur ser nibqa’ attiv fil-futbol speċjalment bħala kowċ. Ta’ età ferm żgħira ta’ 29 sena, inħossni li għamilt pass kbir lejn karriera ta’ suċċess. Determinat li nkompli navvanza u nikseb il-liċenzji meħtieġa biex inkompli navvanza ’l quddiem.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.       

Il-messaġġ finali tiegħi huwa li wieħed għandu jżomm f’moħħu dawn il-punti:

  1. Dejjem żomm saqajk mall-art u qatt tħalli rasek tikbirlek;
  2. Kun motivat u dejjem stinka sabiex tkompli timxi ’l quddiem;
  3. It-taħriġ huwa essenzjali fil-logħba tal-futbol u għalhekk nemmen li wieħed għandu dejjem jitħarreġ b’mod regolari u ma jaqta’ qalbu qatt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport