Sunday, February 22, 2026

Fl-ewwel 100 ġurnata bħala PM nibdew il-proġett tat-trasport tal-massa … jitlesta f’ħames snin

- Dr Alex Borg

Aqra wkoll

“Din hija wegħda li qiegħed ngħidha l-ewwel darba llum… fl-ewwel 100 ġurnata minn meta nieħu l-kariga ta’ Prim Ministru se nibdew inwettqu l-proġett tat-trasport tal-massa u aktar minn hekk dan il-proġett se jkun lest u jintuża min-nies fl-ewwel leġiżlatura.”

Iddikjara dan il-Kap Nazzjonalista Dr Alex Borg meta kien qiegħed jindrizza s-Sessjoni Plenarja tal-Konvenzjoni Nazzjonali li saret mill-Partit Nazzjonalista.

Fid-diskors tiegħu Dr Borg tkellem dwar diversi temi fosthom il-problema tat-traffiku fejn stqarr li l-Partit Nazzjonalista għandu diversi proposti. Qal li din il-problema qiegħda tellef lill-ekonomija madwar 900 miljun ewro fejn dawn il-flus kollha jistgħu jintużaw b’mod ħafna aħjar.

Fost l-oħrajn semma li b’dan il-flus jistgħu jinbnew 40 skola u anke sptar ġdid d-daqs ta’ Mater Dei.

Qal li meta l-poplu toffrilu mod alternattiv kif jivvjaġġaw dan jintuża. Eżempju ta’ dan ġab is-servizz tal-fast ferry fejn stqarr li l-unika ħaġa li forsi wieħed jista’ jikkritika fih hu l-iskeda. Dr Borg qal li dan is-servizz hu wieħed tajjeb ħafna li hu stess kien jużah ħafna biex jivvjaġġa lejn Malta.

Meta jkun hemm it-trasparenza, in-nies terġa’ tibda tafdak

“Meta fil-politika jkun hemm it-trasparanza, allura n-nies terġa’ tibda tafdak.” Hekk stqarr il-Kap Nazzjonalista Alex Borg waqt li kien qiegħed jindrizza s-Sessjoni Plenarja tal-Konvenzjoni Nazzjonali li saret mill-Partit Nazzjonalista.

Borg tkellem dwar diversi temi fosthom il-proprjetà f’pajjiżna. Qal li qabel kien ikun ta’ sodisfazzjoni li koppja jixtru proprjetà u jmorru jgħixu fiha, iżda llum skont Borg ħafna koppji qegħdin isibha diffiċli biex jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom.

“Allura meta jkun hemm ammont kbir ta’ koppji li mhux qegħdin jaslu biex jixtru dar, dik ma tibqax problema individwali, iżda tkun saret problema soċjali,” kompla jgħid il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Dwar l-istess suġġett, Borg qal li l-Partit Nazzjonalista għandu ħafna proposti kif tista’ tiġi solvuta din il-problmea, u meta jkun fil-Gvern dawn il-proposti se jidħlu fis-seħħ.

Il-Kap Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-burokrazija fejn stqarr li hawn ukoll il-PN għandu ħafna proposti li se jkun qiegħed iwettaq meta jkun fil-Gvern

Saħħa li taqdi lil kulħadd

Dwar is-saħħa, Dr Borg qal li Gvern li jieħu ħsiebek ma jfissirx li darba kultant jibgħatlek ċekk, iżda fost l-oħrajn hemm bżonn ta’ kura għas-saħħa tajba li tipprevedi minflok tfejjaq. Qal li ma jistax ikun li wieħed jibqa jmur fi stpar u biex jinqeda jdum bejn tmien u għaxar sigħat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport