Saturday, December 21, 2024

Fl-ewwel erba’ xhur tas-sena waslu Malta bil-baħar 92 immigrant

Aqra wkoll

Bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ April 2023, iddaħħlu 92 immigrant li waslu Malta bil-baħar. Tnejn minn dawn kienu każijiet mediċi. Matul l-istess perjodu tas-sena l-oħra, persuna waħda biss waslet Malta bil-baħar li kienet ukoll għal raġuni medika.

Il-persuni kollha li waslu fl-2023 kienu rġiel adulti ħlief għal minuri wieħed. Dawn salpaw mil-Libja. 75 kienu persuni ta’ oriġini Bangladexx, 11 Eġizzjana u 5 Sudaniża. In-nazzjonalità ta’ persuna baqgħet mhux magħrufa peress li l-awtoritajiet Maltin ma setgħux jirreġistrawha uffiċjalment minħabba l-kundizzjoni medika tagħha.

Dawn iċ-ċifri nħarġu mill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Maqgħuda għar-Refuġjati – UNHCR f’rapport dwar Malta għall-ewwel erba’ xhur tas-sena 2023.

Dawn iċ-ċifri publikati jkomplu max-xejra ta’ żieda fin-numru ta’ rġiel adulti li waslu Malta fis-snin ta’ qabel, 65% fl-2021 u 80% fl-2022.

Skont l-aġenzija għal ħarsien ta’ dawk li jfittxu ażil, (AWAS), 287 individwu qed joqogħdu f’ċentri miftuħa f’Malta u 212 oħra oħra fil-komunità jibbenefikaw minn għajnuna soċjali. L-iktar tliet pajjiżi ta’ oriġini identifikati fiċ-ċentri miftuħa huma ċittadini tal-Eritrea, Sudaniżi u Somali filwaqt li Sirjani, Libjani u Ukreni huma il-benefiċjarji ewlenin tal-assistenza waqt li jgħixu fil-komunità u mhux fiċ-ċentri miftuħa.

Kien hemm 116-il applikazzjoni għall-ewwel darba għall-ażil fl-ewwel erba’ xhur tal-2023. Ċittadini mill-Bangladexx, is-Sirja u l-Libja kienu fost l-aktar tliet nazzjonalitajiet li applikaw. Mit-30 ta’ April, l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali ħarġet 616-il deċiżjoni fl-ewwel istanza. 97 persuna ingħġataw status ta’ Refuġjat jew Protezzjoni Sussidjarja filwaqt li 253 kienu rifjutati.

Protezzjoni Umanitarja Temporanja (THP) ingħatat lil persuna waħda matul dan il-perjodu ta’ żmien. L-analiżi turi li ż-żmien medju ta’ stennija għal deċiżjoni tal-ewwel istanza maħruġa fl-2023 kien ta’ 3.7 snin.

Il-Protezzjoni Internazzjonali ngħatat bħala medja wara sentejn għall-Eritreani, 3 snin għas-Sirjani, u 3.5 snin għas-Somali. Iż-żmien medju għal każijiet miċħuda kien ta’ 3.3 snin għaċ-ċittadini Sudaniżi u Sirjani, 2.8 snin għas-Somali, u kważi xahrejn għaċ-ċittadini tal-Bangladexx.

Malta tat 264 Ċertifikat ta’ Protezzjoni Temporanja PT) fl-ewwel erba’ xhur tal-2023 lil persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna. Total ta’ 1,888 Ċertifikat inħarġu minn Frar 2022. Ħafna mill-applikanti fl-2023 huma ċittadini Ukreni, ħlief tnejn, mara u raġel adult mir-Russja.

In-nisa u t-tfal jammontaw għal madwar 75% taċ-Ċertifikati TP maħruġa matul l-2023, u 62% tal-irġiel adulti għandhom aktar minn 35 sena.

Ekonomija

Sport