Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, 3,492,586 turist wasal Malta, żieda taʼ 12.4 fil-mija fuq l-2024. In-numru taʼ ljieli mqattgħin telaʼ bʼ10.8 fil-mija u bʼhekk laħaq 22.2 miljun lejl.
Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li l-infiq sħiħ mit-turisti kien stmat li laħaq it-€3,467.7 miljun, 19.2 fil-mija ogħla minn dak li kien irreġistrat fl-istess perjodu tal-2024. L-infiq kollu ras għal ras tela’ għal €993 mid-€936 li kien stmat fl-2024.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 2,059,918, jew 59.0 fil-mija tat-turisti kollha.
Żieda ta’ 17.3% fil-wasliet tat-turisti f’Ottubru 2025
L-istess statistika turi wkoll kif matul ix-xahar ta’ Ottubru 2025 żaru Malta total ta’ 417,103 turist, li jfisser żieda ta’ 17.3% meta mqabbel ma’ sena qabel.
F’Ottubru li għadda, 384,519-il turist żaru Malta għal btala, mentri 23,269 turist ġew Malta għal raġunijiet ta’ xogħol. L-akbar għadd taʼ turisti kellhom bejn il-45 u l-64 sena (38.4 fil-mija); warajhom kien hemm dawk fl-età taʼ bejn il-25 u l-44 sena (34.0 fil-mija). Residenti mir-Renju Unit, l-Italja, u l-Polonja kienu jammontaw għal 41.3 fil-mija tat-turisti kollha li waslu Malta.
Meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena taʼ qabel, l-għadd sħiħ taʼ ljieli mqattgħin Malta telaʼ bi 15.7 fil-mija, u laħaq iż-2.6 miljun lejl. Il-biċċa l-kbira taʼ dawn l-iljieli (89.5 fil-mija) kienu mqattgħin fi stabbilimenti taʼ akkomodazzjoni mikrija. It-tul medju taʼ dawn iż-żjajjar kien jammonta għal 6.1 iljieli.
FʼOttubru 2025, in-nefqa kollha tat-turisti laħqet l-€437.8 miljun, li hija żieda taʼ 22.8 fil-mija fuq l-istess xahar sena qabel. L-infiq medju kull lejl kien stmat li jammonta għal €170.7.
It-turisti li żaru Għawdex u Kemmuna, kemm dawk li qagħdu għal ġurnata kif ukoll dawk li raqdu hemm, ammontaw għal 235,351, jew 56.4 fil-mija tat-turisti kollha.


