Il-Prim Ministru Robert Abela żar is-summit SiGMA, waħda mill-akbar fieri tal-igaming minn madwar id-dinja, li għal sena oħra qegħdin nospitaw f’pajjiżna.
Summit li attira taħt saqaf wieħed 25,000 delegat, 1,000 eżebitur u 200 start-up minn 80 pajjiż differenti.
Fi żjara li għamel fl-MFCC, Ta’ Qali, il-prim ministru nnota li l-interess li jiġġenera dan is-summit jirrifletti l-ottimiżmu li jeżisti f’din l-industrija f’Malta. Fil-fatt, pajjiżna huwa l-għażla ta’ 300 kumpanija tal-gaming, li jfissru 10,000 impjieg f’dan is-settur.
Il-prim ministru spjega li minkejja l-isfidi ekonomiċi globali, is-settur reżiljenti tal-gaming f’pajjiżna qed ikompli jikseb riżultati pożittivi.
Fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, din l-industrija ġġenerat dħul ta’ €712 miljun fl-ekonomija Maltija. Dħul li jfisser għaxra fil-mija tat-tkabbir ekonomiku li rreġistra pajjiżna matul din is-sena u żieda ta’ €90 miljun fuq l-ewwel nofs tas-sena 2021. B’dan jikkumpara tajjeb ħafna wkoll mal-bqija tal-pajjiżi Ewropej, li esperjenzaw kontribuzzjoni tliet darbiet inqas dik li esperjenza pajjiżna.
Il-Prim Ministru Robert Abela tenna l-impenn tal-gvern li jkompli jibni ekonomija sostenibbli u inklużiva, partikolarment f’dan is-settur, u li se jkompli jibdel l-isfidi globali f’opportunitajiet. Fil-fatt, Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa li n-negozji li joperaw minnha mhumiex affaċċjati b’żieda fil-prezzijiet jew limitazzjonijiet fil-konsum tal-enerġija. B’dan jista’ jservi bħala vantaġġ kompettitiv għall-kumpaniji f’pajjiżna.
Il-prim ministru kkonkluda li l-investiment fil-ħiliet u f’aktar opportunitajiet għal din l-industrija huma ta’ prijorità għall-gvern u li avvenimenti bħal SiGMA jiċċelebraw l-ispirtu tal-viżjoni ekonomika tal-gvern, li se tkompli tassigura aktar snin ta’ suċċess f’din l-industrija.